Skont il-Mexxej Laburista… l-unika nuqqas tal-mara tal-Calyton Bartolo kien li “l-kariga tagħha kienet tgħid mod u l-livell tas-servizz li kienet qed tagħti bħala kwalità kienet tirrifletti kariga oħra.”
Kliem il-Prim Ministru Robert Abela ma’ Net News l-Erbgħa waranofsinhar meta kien mistoqsi dwar Amanda Muscat u s-€70,000 f’konsulenza li tħallset mit-taxxi tal-poplu, meta kienet għadha qed tagħmel xogħol ta’ Personal Assistant mar-raġel tagħha, il-Ministru Clayton Bartolo.
Qabel il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Net News staqsa lill-Mexxej tal-Labour min se jkun qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dawn iż-żewġ promozzjonijiet li ħadet fis-snin li għaddew, b’Abela jinfexx f’attakki partiġjani bla bażi u bi skumdità assoluta.
Mistoqsi għalfejn ma għarrafx lill-poplu qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 b’dak li kien seħħ bejn il-Ministeri tat-Turiżmu u Għawdex, u l-eluf ta’ ewro li tħallset Muscat, Abela qal li l-poplu kien jaf – fatt li huwa skorrett hekk kif huwa biss jumejn ilu li l-Prim Ministru żerżaqha li kien keċċiha.
Net News staqsa lil Robert Abela għalfejn meta, jekk verament keċċiha, ma ħax passi ulterjuri fuq min ta mhux promozzjoni waħda, iżda tnejn ta’ €62,000 u €68,000 paga fis-sena rispettivament – b’Abela jibqa’ jaħrab milli jwieġeb b’mod dirett.
Aktar tard, Net News staqsa lill-Mexxej tal-Labour biex jipprovdi l-evidenza tax-xogħol li għamlet Amanda Muscat, b’Abela jistedinna naqraw ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards.
Fil-fatt, mir-rapport joħroġ biċ-ċar li l-mara ta’ Clayton Bartolo qatt m’għamlet xogħol ta’ konsulenza minkejja li kienet imħallsa aktar mill-Prim Ministru biex tagħmel dan – fatt li spiċċa ammettieh Robert Abela nnifsu.
//= $special ?>