Lokali

“Sagħtejn u nofs mill-Belt sa Ħaż-Żabbar – bdejt niddispra” – il-Ministru jgħid li l-kontroll tat-traffiku ta’ SIGMA rnexxa

Fil-21 ta’ Novembru tas-sena l-oħra dak li kien il-Ministru tat-Trasport u llum backbencher Laburista, Aaron Farrugia, kien qalilna li l-Gvern ta’ Abela kien ħa t-tagħlimiet neċessarji biex jikkontrolla u jtaffi t-traffiku waqt l-organizzazzjoni tal-avveniment SIGMA.

Iżda jew ma ħalliex handover lis-suċċessur tiegħu l-Ministru Chris Bonett, jew fil-verità l-Gvern tal-Labour ma tgħallem assolutament xejn; għaliex is-sewwieqa, għal sena oħra, reġgħu spiċċaw f’għoqda sħiħa ta’ traffiku.

Din il-ġimgħa qed tiġi organizzata s-SIGMA fil-binja fejn kien hemm ix-Ship Building tal-Marsa, eżatt fil-qalba tar-rotta li tgħaqqad in-nofsinhar man-naħa ta’ fuq ta’ Malta – triq li għal bosta Maltin hija waħda inevitabbli biex imorru minn u lejn id-dar.

Sena ilu Aaron Farrugia, li għal xi raġuni għadna sal-lum ma nafux għalfejn il-Prim Ministru Robert Abela eliminah mill-Kabinett, kien qal lill-ġurnalisti li l-awtoritajiet ħadu l-lezzjoni wara li l-konferenza tal-igaming iffriżat totalment it-traffiku.

Madanakollu, ir-reazzjoni tan-nies kienet waħda inevitabbli konsegwenza tas-sigħat li esperjenzaw fit-traffiku; u diversi persuni li għamlu kuntatt ma’ Net News spjegaw li l-konġestjoni kienet waħda tal-biża’, min għamel sagħtejn u nofs fit-traffiku mill-Belt Valletta sa Ħaż-Żabbar, min spiċċa jserraħ bżonnijietu fil-karozza stess, min qabdu attakk ta’ paniku u min tilef appuntament għand it-tabib.

Bosta kienu dawk li kkummentaw ukoll fuq il-midja soċjali, partikolarment kummenti li spikkaw kienu dawk li saru taħt l-artiklu tas-Super One fejn ingħad li Transport Malta kellhom pjan biex jiġi kkontrallat it-traffiku.

Min jisħaq li issa xeba’ bil-medjokrità, waqt li wħud saħqu li ma jafux x’inhuma jgħidu – bil-korla fil-kummenti tibqa’ ekwivalenti għal dik ta’ sena ilu – tant li għaddew 12-il xahar u l-problemi ppersistew.

Aktar tard matul il-ġurnata l-Ministeru għat-Trasport tkellem mal-gazzetta Times of Malta fejn stqarr li l-kontroll tat-traffiku “ħadem perfettament” fiz-zona tal-Marsa – hekk ukoll saħaq il-Ministru Chris Bonett fil-Parlament.

Net News staqsa lill-istess Ministru kif sena ilu l-Gvern qal li ħa l-lezzjonijiet… u din il-ġimgħa spiċċaw koppi. Bi Chris Bonett jisħaq li hu qatt ma qal li m’hawnx traffiku – botta ċara u tonda għall-MEP Laburista Daniel Attard.

U filwaqt li ssokta bl-attakki partiġjani biex jipprova jaħrab milli jwieġeb, meta insistejna biex joffri soluzzjoni, il-Ministru ħarab milli jirrispondi, lanqas b’sempliċi apoloġija li issa qed issir sinonima mal-membri tal-Kabinett ta’ Abela.