Lokali Qorti

Ħames snin ħabs fuq numru ta’ serqiet bit-theddid li se jisplodi bomba

Raġel ta’ 44 sena li huwa magħruf sew mal-Pulizija u għandu problema ta’ droga, ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li wettaq numru ta’ serqiet, attentat ta’ serq u li żamm diversi persuni kontra l-volontà tagħhom. Meta kien iwettaq is-serq, kien jieħu miegħu kaxxa tal-kartun u jhedded lill-vittmi li jekk ma kenux se jagħtuh il-flus, fil-kaxxa hemm bomba, u jispiċċa jisplodi kull ma hemm.

Allister Camilleri mill-Marsa kien qed jiffaċċja 27 akkuża li jinkludu wkoll ksur ta’ diversi kundizzjonijiet mill-Qorti u li sar reċidiv. Is-serq kien seħħ f’Jannar tal-2020 fejn huwa kien ġie arrestat mill-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Vjolenti.

Fil-Qorti rriżulta kif Camilleri kien jidħol biex jisraq b’kaxxa tqila f’idejh, ipoġġiha fuq il-bank u jhedded li jisplodi bomba li hemm fil-kaxxa jekk xi ħadd iċempel lill-Pulizija. L-ewwel attentat ta’ Camilleri kien seħħ fis-7 ta’ Jannar tal-2020 f’Ħal Qormi, u kompla għaddej fl-istess xahar b’hold-ups oħra saru fi tliet lukandi f’Tas-Sliema, il-Gżira, u Tignè, u minn ħanut tal-merċa f’Ħal Qormi.

L-aħħar serqa saret minn spiżerija fl-Iklin. Camilleri nstab ħati wkoll li żamm nies kontra l-volontà tagħhom u li saq vettura bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni foloz. L-Ispettur Lydon Zammit qal li kien gie
deċiż li jkun hemm investigazzjoni waħda peress li seħħew diversi serqiet li kienu simili ta’ xulxin.

Fuq l-ewwel reat qal li dan seħħ fl-10pm, li kienet attentat ta’ serqa fuq mara f’ATM tal-bank BOV li tinsab fi Triq Bartolomeo, f’Ħal Qormi. Iżid jgħid li kien daħal fuq Carmen Scicluna wieħed raġel li kien mgħammad u talabha biex tiġbed il-flus għalih fl-ammont ta’ €500.

Qal ukoll li l-fatt li l-mara kienet qiegħda tiddepożita kif ukoll li ma kellhiex biżżejjed fondi, ir-raġel
ma rnexxilux jiġbed l-ammonti separati ta’ €500, €300 u €150. Ix-xhud qal li dan ir-raġel kien spjega lil mara li kellu problema tad-droga.

Il-mara kienet iddeskrivietu bħala raġel bl-età ta’ 40 sena u li kien liebes balaklava, u li għajnejh u mnieħru kienu mikxufin. Il-kulur ta’ din il-balaklava kien iswed. Il-vittma kienet qalet lix-xhud li dan ir-raġel kellu kaxxa tal-kartun u kien qiegħed jużaha billi jhedded li kienet bomba. Dan ir-raġel telaq jigri mill-post xħin induna li ma setax jiġbed il-flus.

L-Ispettur Lydon Zammit qal li hu u l-kollegi tiegħu bdew l-investigazzjonijiet tagħhom l-għada li seħħ dan l-allegat inċident u li fil-fatt kienu nġabru filmati li kien hemm preżenti fuq is-sistema tas-CCTV tal-bank BOV.

Qal li minn dawn il-filmati jidher is-suspettat joħrog minn karozza Subaru u eventwalment jerga’
jidħol fl-istess vettura u li kellu lil xi ħadd qiegħed jgħinu jwettaq is-serqa. Qal ukoll li n-numru tal-vettura ma kienx ta’ dik il-vettura partikolari.

Ix-xhud ikompli jgħid li ftit tal-ħin wara fl-istess ġurnata u cioè fl-10.35pm. ġie infurmat li kienet seħħet
serqa minn ġewwa l-lukanda Blue Bay Hotel li tinsab fi Triq Sir Frederick Ponsonby, il-Gżira. Qal li meta waslet il-Pulizija fuq il-post gie mitkellem ir-receptionist u li kkonferma li hu jaħdem f’din il-lukanda.

Jgħid li dan stqarr li meta kien sejjer lejn it-toilet innota li daħal raġel liebes ‘hoodie’ u balaklava. Dan ir-raġel beda jitlob għall-flus filwaqt li jheddu li kellu bomba f’kaxxa tal-kartun. Dan kellu anke sikkina f’idejh. Dan kien seraq madwar €650.

Huwa kkonferma li wara din l-istqarrija nfetħet Inkjesta Magisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa. Tenna wkoll li fuq il-post ġew imsejħa membri tal-Forzi Armati tal-EOD wara li ġiet evakwata l-lukanda, u dan sabiex tigi analiżżata l-kaxxa li kien fiha bomba. Jgħid li fil-fatt ma kienx hemm bomba iżda ġebel tal-ħitan
tas-sejjieħ.

Ikompli jixhed li fid-9 ta’ Jannar 2020 ġie infurmat fid-9.35pm li seħħet serqa minn Windsor Hotel, f’Tas-Sliema. Jgħid li niżel fuq il-post fejn gie mitkellem mir-receptionist fi ħdan il-lukanda. Dan infurmah li kien daħal raġel li kellu wiċċu mgħotti b’balaklava.

Jixhed li dan ir-raġel kien Malti li tkellem b’lingwa Ingliża, u li seraq madwar €200 bħala flus kontanti. Ir-receptionist stqarr max-xhud ukoll li dan ir-raġel kellu sikkina f’id minnhom, filwaqt li kellu kaxxa tal-kartun fl-id l-oħra, u li f’din il-kaxxa kien hemm bomba.

Iżid jgħid ix-xhud li għal darb’oħra rriżultalu li l-kaxxa kienet vojta. Ir-receptionist kien stqarr miegħu li r-raġel mar lejn Triq Don Rua u seta’ jisma’ karozza titlaq b’veloċità eċċessiva. Jgħid ukoll li l-filmati li nġabru fl-akkwati wrew l-istess tip ta’ xena li seħħet fl-inċidenti oħra u ċioè lis-suspettat jinżel u jirkeb f’karozza tal-għamla Subaru J10.

Tenna wkoll li fl-10 ta’ Jannar 2020 għall-ħabta ta’ nofsillejl, ġie infurmat ili kienet għadha kif seħħet serqa f’lukanda bl-isem ta’ 1926 Hotel li tinsab fi Triq Thornton, Tas-Sliema. Jgħid li kien daħal raġel liebes hoodie u xalla.

Dan hedded lill-ħaddiema sabiex ituh flus, li kellu kaxxa li tikkontjeni bomba. Jgħid li dakinhar żewġ ħaddiema li kienu preżenti fuq il-post qalulu li ma kien insteraq xejn peress li l-aggressur beża’ u telaq jiġri. Jgħid li ż-żewg ħaddiema stqarrew li apparti kaxxa, kellu wkoll arma li tixbah turnavit.

Jgħid li l-kaxxa tal-kartun kienet giet eżaminata u reġa’ ġie kkonfermat mis-sistema ta’ CCTV’s li kienet intużat l-istess vettura tal-għamla Subaru J10. Ix-xhud jgħid li fil-11 ta’ Jannar 2020 reġa’ ġie infurmat li kienet seħħet serqa fil-Convenience Shop fi Triq Ħal Luqa, Ħal Qormi.

Jgħid li hu tkellem mas-sales girl li infurmatu li kien daħal raġel mgħammad u talabha l-flus bit-theddida li juża l-bomba li kellu f’idejh biex jisplodi kull m’hemm. Ir-raġel ħataf madwar €1,100. Ħareg mill-filmati li
nġabru, li reġgħet intużat il-vettura Subaru J10.

Il-karozza saqet fid-direzzjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ. Iżid jgħid ix-xhud li dakinhar stess hu flimkien mal-kollegi
tiegħu sabu vettura tal-għamla Mercedes Benz li minn fuqha l-pjanċi tagħha kienu maqlugħin. Tali vettura nstabet fil-limiti ta’ Triq Farsina, f’Ħal Qormi, fi stat ta’ abbandun u li din il-vettura kienet l-istess waħda li suppost kellha n-numru differenti.

L-Ispettur qal li bl-istess mod, fis-16 ta’ Jannar saret serqa minn spiżerija fl-Iklin fejn minn hemm seraq €917. Saret ukoll ID parade u l-akkużat intgħaraf minn żewġ persuni. Numru ta’ persuni vittmi xehdu dwar li għadda mingħalihom.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit, Kylie Borg u Colin Sheldon.