Fil-Jum Dinji tad-Dijabete, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern biex jiddikjara jekk jaqbilx mat-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete. Dan il-kumitat mhux formali fil-Parlament bejn Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra jwassal biex ikun hemm ħidma kollettiva u nazzjonali fuq dan il-qasam.
Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Claudette Buttigieg u Ian Vassallo, qalu li l-Gvern m’għandux jibqa’ jinjora din it-talba li tista’ twassal għal ħidma fejjieda u ta’ ġid f’pajjiżna għal min ibati minn din il-kundizzjoni.
F’dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-eluf ta’ pazjenti li għandhom din il-kundizzjoni. Isellem ukoll lill-ħaddiema kollha speċjalizzati f’dan il-qasam mediku u jirringrazzjahom tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom.
In-numru ta’ pazjenti bid-dijabete f’pajjiżna qed ikompli jikber u l-Gvern qata’ qalbu li jindirizza serjament il-kontroll ta’ din iż-żieda li tolqot aktar minn 10% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Dan ifisser li llum hemm madwar 56,000 persuna f’pajjiżna b’din il-kundizzjoni.
Skont studju tal-Università ta’ Malta, illum l-ispiża nazzjonali marbuta mad-dijabete u l-kumplikazzjonijiet relatati, fosthom fl-għajnejn, fil-kliewi u amputazzjonijiet hija ta’ madwar €175 miljun. Din in-nefqa mistennija tkompli tiżdied kull sena.
Din is-sena, it-tema internazzjonali għall-Jum Dinji tad-Dijabete hija s-Saħħa Mentali u l-Kwalità tal-Ħajja tal-pazjenti u l-familji tagħhom. Hawnhekk, hawn bżonnijiet kbar li l-Gvern qed jinjora. Persuni li ma jikkontrollawx id-dijabete jbatu minn ħafna kumplikazzjonijiet li jxekklu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom, u li hemm bżonn urġenti li jiġu indirizzati.
//= $special ?>