Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar tal-approvazzjoni mill-awtoritajiet Sqallin għat-tqegħid tat-tieni interconnector mal-Italja, u jawgura li l-Gvern Taljan issa jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu kemm jista’ jkun malajr.
Fi stqarrija, Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; qal li l-politika tal-interconnector hija riżultat tal-istrateġiji adottati minn diversi Gvernijiet Nazzjonalisti, kemm għall-ewwel u t-tieni interconnector. Dan huwa proġett ieħor li qed isir realtà grazzi għall-viżjoni fit-tul tal-Partit Nazzjonalista u l-politika mħaddma fil-qasam tal-enerġija elettrika minn Gvernijiet tal-PN fil-passat.
Proġett bħal dan huwa importanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija sabiex insostnu l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Filwaqt li jfakkar kemm il-Labour kien xettiku dwar l-interconnector, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan il-proġett tat-tieni interconnector sar realtà bis-saħħa tal-fondi Ewropej.
Issa li l-provvista tal-elettriku ta’ Malta mal-Ewropa se tkun qed tirdoppja bis-saħħa ta’ dan il-proġett, wieħed jittama biss li ma nibqgħux nisimgħu aktar lill-Gvern iwaħħal fl-interconnector kull darba li jmur id-dawl.
//= $special ?>