Edukazzjoni Lokali Sport

Inawgurat il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport

Matul il-jum tal-Ħamis ġie inawgurat il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport – skola privata li tagħti l-opportunità lill-istudenti li jispeċjalizzaw fid-dixxiplini sportivi rispettivi tagħhom filwaqt li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom.

Il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport beda jilqa’ lill-istudenti fit-30 ta’ Settembru li għadda fejn preżentament hemm madwar 95 student u studenta bejn l-ewwel sena tas-sekondarja u t-tieni sena tas-sixth form.

U l-pjan hu li l-popolazzjoni ta’ din l-iskola titla’ għal 400 student u studenta fis-snin li ġejjin.

Waqt iċ-ċerimonja ġie spjegat li permezz ta’ dan il-proġett ġew kreati 7,000 metri kwadru ta’ faċilitajiet sportivi ġodda inkluż pixxina ta’ 25 metru b’saqaf li jinfetaħ u jingħalaq, gym għall-ġinnastika, grawnds ġodda għall-futbol, żewġ padel courts kif ukoll sports performance centre.

Il-faċilitajiet sportivi ġodda huma parti mill-kumpless sportiv ta’ San Alwiġi fejn permezz ta’ dan il-proġett anke l-istudenti ta’ San Alwiġi se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet kollha.

Il-kumpless jinkludi wkoll faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni kemm għall-istudenti internazzjonali kif ukoll għal nurseries u timijiet li jkunu jridu jorganizzaw irtiri jew training camps sportivi.

Intant, preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kif ukoll ix-Shadow Ministers David Agius, Adrian Delia u Justin Schembri.