Lokali

Jitħabbar proġett ta’ restawr fuq pittura ta’ Mattia Preti

Pittura tal-artist Taljan Mattia Preti li tinsab fil-knisja ta’ San Franġisk, fil-Belt Valletta, se tgħaddi minn proċess estensiv ta’ restawr bil-għan li din il-pittura terġa’ tmur lura għall-istat oriġinali tagħha.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis waranofsinhar, bir-restawr ta’ din il-pittura se jkun qed isir sabiex jitfakkar l-għoxrin anniversarju tal-kumpanija Recoop li se tkun qed tieħu ħsieb dan il-proġett.

F’kummenti ma’ Net News, id-Direttur Paul Muscat spjega l-proċess li se tgħaddi minnu l-pittura sabiex tirritorna fl-istat oriġinali tagħha – hekk kif preżentament il-pittura tilfet ħafna mid-detalji li kellha.

Matul il-konferenza ġie spjegat ukoll li anke l-kwadru għandu bżonn restawr estensiv, hekk kif matul is-snin ġarrab il-ħsarat. Dan apparti li se jsir tindif fuq il-pittura sabiex il-kuluri kif ukoll id-dettalji jkunu jidhru aħjar.

Minn naħa tiegħu, il-Gwardjan tal-Knisja ta’ San Franġisk Ġorġ Micallef tkellem dwar l-istorja ta’ din il-pittura fejn spjegalna li din tirrappreżenta l-festa tal-Porzjunkola.

Intant, ftit wara li ġiet fi tmiemha l-konferenza tal-aħbarijiet, beda l-proċess sabiex il-pittura titniżżel ħalli fil-jiem li ġejjin jingħata bidu għar-restawr tagħha.