Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u numru ta’ persuni oħra akkużati b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra espert forensiku li xehdet li mhijiex accountant bil-warrant minkejja li kienet appuntata bħala accountant forensiku minn maġistrat inkwirenti.
L-Eks Prim Ministru, l-Eks Ministru tiegħu u l-Eks Chief of Staff, flimkien ma’ Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, Jonathan Vella, Ivan Vassallo, Brian Bondin, Pierre Sladden, Kasco Engineering Company Ltd, Technoline Limited u Eurybates Ltd ippreżentaw ilment kriminali l-Ħamis waranofsinhar.
L-applikazzjoni saret fil-konfront ta’ Miroslava Milenovic ta’ nazzjonalità Serba li nħatret bħala waħda mill-accountants forensiċi mill-Maġistrat Gabriella Vella meta kienet qed tmexxi l-inkjesta dwar il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet li issa ġie annullat.
L-espert ġiet imħarrka bħala xhud nhar l-Erbgħa meta komplew il-proċeduri kontra Muscat u l-ko-imputati l-oħra. Taħt kontro-eżami mill-avukati ta’ Muscat, hija qalet li qatt ma kisbet warrant bħala accountant iżda insistiet li kienet “accountant kwalifikata”.
Muscat u sħabu l-oħra issa qed jenfasizzaw il-fatt li din l-espert kienet ġiet appuntata minn diversi maġistrati biex jassistuhom fl-inkjesti ingenere tagħhom, dejjem bl-iskuża tad-dikjarazzjoni tagħha li kienet accountant.
Madankollu, waqt il-kontro-eżami tagħha nhar l-Erbgħa, Milenovic ammettiet li ma kinitx accountant, saħqu l-akkużati. Barra minn hekk, meta applikat għal permess ta’ residenza relatat max-xogħol f’Malta, Milenovic milli jidher kienet iddeskriviet lilha nnifisha bħala accountant.
Dawk li ressqu l-każ innutaw li fi proċeduri paralleli kontra l-Eks Deputat Ministru Chris Fearne u t-tieni ”batch’ ta’ akkużati marbuta mal-inkjesta Vitals, ir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali ppreżenta lista tal-“ħafna eluf ta’ ewro,” li rċeviet Milenovic għal xogħol ta’ espert fl-inkjesta.
U meta xehdet qabel maġistrati fl-inkjesta u fi proċeduri oħra tal-Qorti, Milenovic kienet regolarment ikkonfermat bil-ġurament li kienet esperta fil-livell ta’ accountant. L-akkużati talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-kwistjoni mingħajr dewmien u biex jieħu azzjoni kriminali kontra “is-suspettata” għal numru ta’ reati inklużi ġurament falz, użu malizzjuż ta’ dokumenti foloz, dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz, kisba ta’ flus permezz ta’ pretensjonijiet foloz kif ukoll ksur taħt il-liġijiet tal-kontabbiltà u l-ħasil tal-flus.
L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jassistu lil Mizzi, Schembri u l-kumpaniji tiegħu. L-avukati Vince Galea, Ishmael Psaila, Luke Dalli u Charlon Gouder qed jassistu lil Muscat. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jassisti lil Vassallo, Bondin, Sladden u l-kumpaniji l-oħra. L-Avukat Jason Grima qed jassisti lil Spiteri u Vella. L-avukati Shaheryar Ghaznavi u Alex Scerri Herrera qed jassistu lil Conger-Thompson.
//= $special ?>