Lokali Qorti

Maġistrat tirrikuża ruħha f’każ ġdid kontra Keith Schembri: Mixli b’leaks lil Yorgen Fenech fuq l-investigazzjoni fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-avukati ta’ Keith Schembri talbu r-rekuża tal-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil li għandha l-inkarigu tisma’ akkużi ġodda kontrih minħabba leaks fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-avukati tal-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat qalu li l-Maġistrat Camilleri Busuttil m’għandhiex tippresjedi l-każ tiegħu għax qabel kienet involuta fi prosekuzzjoni kontra l-istess Schembri.

Wara li ssospendiet is-smigħ għal xi ħin, il-Maġistrat laqgħet it-talba tad-difiża u astjeniet milli tisma’ l-każ. Schembri reġa’ spiċċa il-Qorti il-Ħamis filgħodu fejn kellu jiffaċċja akkużi ta’ ġurament falz u li kiser l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali. Dan kollu wara investigazzjoni li kienet ilha għaddejja għal ħames snin li nfetħet wara li Yorgen Fenech, spiċċa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalist f’Ottubru 2017, fejn qed jiġi sostnut li Schembri ta lil Fenech informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Dak iż-żmien Schembri li kellu rwol importanti f’Kastilja u li jaf x’kien qed iseħħ waqt l-investigazzjoni għax gġal diversi drabi kien ikun preżenti. Qabel ma setgħu jibdew il-proċeduri, l-avukat Edward Gatt staqsa lill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil jekk qattx kienet involuta f’xi inkjesta relatata ma’ Schembri, peress li qabel kienet impjegata bħala avukat fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Maġistrat qalet li ma tiftakarx li kienet involuta f’xi inkjesta li kienet tinvolvi lil Schembri u dawn l-akkużi speċifikament, iżda tiftakar li kienet qed taħdem fuq il-każ kontra l-aħwa Degiorgio. Alfred u George Degiorgio ġew ikkundannati 40 sena ħabs wara li ammettew li poġġew bomba fil-karozza li qatlet lil Caruana Galizia.

L-Avukat Gatt irrimarka li ħafna xhieda involuti f’dan il-każ ikunu l-istess dawk li l-maġistrat kienet qed tipproċedi b’mod attiv minħabba l-ħidma preċedenti tagħha mal-Avukat Ġenerali. Il-maġistrat ikkonfermat li kienet parti mill-prosekuzzjoni f’diversi każi u qalet li kienet ukoll iffirmat xi ordnijiet ta’ sekwestru.

Għaldaqstant l-Avukat Gatt talab formalment lil Camilleri Busuttil biex tirrikuża ruħha fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Is-seduta għal xi ħin sospiża biex kif ħarġet fl-awla l-Maġistrat laqgħet it-talba tad-difiża biex issa l-każ jiġi assenjat lill-Maġistrat ieħor. L-avukati Mark Vassallo u Shaun Zammit ukoll qed jidhru għal Schembri. Is-Supretendent Hubert Cini u l-ispettur Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni.