Il-parroċċa ta’ San Publiju, il-Furjana, qed tiġbor fondi biex tgħin fir-rikostruzzjoni tal-Arkata Trijunfali fil-Furjana u se torganizza Kunċert tal-Milied nhar il-Ġimgħa13 ta’ Diċembru.
Inawgurat fl-1899, l-Arkata kienet struttura tal-injam ddisinjata minn Giorgio Cassar bħala parti mid-dekorazzjonijiet tat-toroq għall-festa ta’ San Publiju fil-Furjana. Din l-istruttura kienet unika f’Malta, kemm bħala waħda mill-eqdem dekorazzjonijiet tat-toroq, kif ukoll minħabba d-dimensjonijiet kbar tagħha. Fl-2019, kienet saret vittma ta’ att ta’ ħruq li kien intenzjonat, meta nħarqet għalkollox fl-24 ta’ April 2019.
Apparti l-ġbir ta’ fondi għall-bini mill-ġdid tal-Arkata, għaddejja ħidma biex jissaħħaħ l-ispirtu tal-komunità, ir-rispett, l-imħabba u l-fraternità bħala mezz spiritwali li jista’ jagħmel il-ħajja aktar sinifikanti.
Għal dan il-għan, nhar it-13 ta’ Diċembru l-parroċċa ta’ San Publiju qed torganizza kunċert bl-isem SPREAD THE LOVE – XERRED L-IMĦABBA DAN IL-MILIED bil-għan li jxerred messaġġ ta’ mħabba u jsaħħaħ l-inklużjoni soċjali, elementi li jistgħu jgħaqqdu komunità biex tagħlaq is-sena b’sens ta’ għaqda – sena li kienet immarkata minn nuqqas ta’ paċi, imħabba u sodisfazzjon globali.
Il-parroċċa San Publiju, flimkien mal-kunċert tal-aħħar tas-sena 2024, tingħaqad ukoll maċ-ċelebrazzjoni tat-300 Anniversarju tal-belt tagħna, il-Furjana. Parti mill-qligħ se jmur għal PUTTINU CARES u d-DAR TAL-PROVIDENZA.
Jacob Portelli
Dan il-kunċert prestiġjuż se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Jacob Portelli, l-arpista rinomat Malti, bl-intervent prestiġjuż tal-Cordia String Quartet. Bl-isem derivat mil-Latin Cordia (qlub) u bil-kliem Maltin Korda (strina), il-viżjoni tal-Quartet Cordia hija li toħloq ambjent ta’ armonija mużikali u għaqda bejn l-erba’ strumenti differenti tal-kwartett.
Barra minn hekk, il-kunċert se jinkludi lit-tenur Malti ċelebri Cliff Zammit Stevens u lis-sopran ta’ talent Judith Kathleen Evans minn Wales, li se tivvjaġġa lejn Malta esklussivament għal din l-okkażjoni.
//= $special ?>