Raġel ta’ 28 sena li huwa mit-Turkija u li jgħix l-Imsida, ġie mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu aktar minn darba. Il-koppja kienu ilhom f’relazjoni mhux kontinwa għal madwar sena u nofs. Melvut Ulucay, li qal li jaħdem bħala technician, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
Il-mara kienet ilha tissaporti lir-raġel, li għandu natural possessiv fejn allegatament ma kienx iħalli lill-mara bi kwieta. Is-sena l-oħra rrapurtatu lit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika u wara ħafritlu. Dan wara li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u kkawża ħsara fil-mobile tagħha għax ħaseb li kienet qed tibgħat messaġġi lil xi rġiel oħra.
Fil-Qorti rriżulta wkoll li f’Mejju li għadda l-vittma sabet lill-eks sieħeb tagħha quddiem il-bieb ta’ barra u lill-Pulizija qaltilhom li meta fetħitlu, imbuttaha u ppenetraha b’subgħajh biex jiċċekkja jekk kellhiex rapport sesswali ma’ ħaddieħor.
Hija allegat ukoll li aktar tard stupraha u wara sfurzaha tidħol tinħasel. Waqt li kienet fil-kamra tal-banju, l-akkużat beda jsabbat mal-bieb u xħin fetħitlu reġa’ stupraha.
Għall-akkużi miġjuba kontrih, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u Christian Cauchi flimkien mal-Avukati Miriayah Borg u Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>