Sport

It-tim tal-Kalkara Regatta Club b’ġest altruwistiku ta’ fair play

(Mix-xellug) Edward Licari, Direttur ta' Together Gaming Solutions, Ryan Degiorgio u Kohath Mallia (Kalkara Regatta Club - Frejgatini Ketegorija B), Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement) u Stephen Azzopardi (Amministratur GħĠS).
Rebbieħa tat-TGS Fair Play Award għal Lulju-Settembru 2024

Ryan Degiorgio u Kohath Mallia, mill-Frejgatini Kategorija B tal-Kalkara Regatta Club, huma r-rebbieħa tat-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn Lulju u Settembru 2024. Dan il-premju ta’ kull tliet xhur, intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le, huwa mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni ma’ Together Gaming Solutions.

Waqt l-aħħar edizzjoni tar-Regatta tal-Vitorja li saret nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru, il-crew tal-Frejgatini Kategorija B tal-Kalkara Regatta Club rebħu t-tiġrija. Ftit tal-ħin wara, indunaw li fuq il-frejgatina Bormliża il-pruwier Shaun Farrugia tah ħass ħazin u marru jassistuh minflok iċċelebraw ir-rebħa tagħhom, Sadanittant huma għamlu sinjal lill-paramediċi sabiex jiġu jkomplu jagħtuh l-għajnuna li kellu bżonn.

Min-naħa tiegħu, Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal: “Dan huwa eżempju ċar fejn l-altruwiżmu jiġi qabel kull tip ta’ kompetizzjoni. Prosit tassew lil Ryan Degiorgio u Kohath Mallia.

Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċċji ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani; u Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions.

Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.