Raġel ta’ 52 sena minn Birżebbuġa ngħata sentenza sospiża u ġie mmultat mill-Qorti wara li l-Erbgħa kien qed jaqta’ xi prodotti tal-ikel u aċċidentalment qata’ idu, u dan meta kien fis-sakra. Ir-raġel ippanikkja u ħareġ jiġri mid-dar bis-sikkina f’idu jfittex l-għajnuna. Wara li semgħet kif seħħ l-inċident, il-Qorti qalet li dan kien inċident sfortunat.
Dak il-ħin persuni li kienu barra ħasbu ħażin, ċemplu lill-Pulizija u rrapportaw li x’aktarx li kien inqatel xi ħadd jew li xi ħadd qala’ daqqiet ta’ sikkina. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, ir-raġel ma kkoperax u minflok beda jinsulentahom.
Fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, irriżulta li l-Pulizija ppruvaw jimmanettjaw lill-akkużat minkejja l-ferita li kellu fuq idu. Aktar tard ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Ir-raġel tressaq il-Qorti il-Ħamis, mingħajr żarbun u idu marbuta.
Huwa ammetta li hedded u insulenta żewġ surġenti tal-Pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-ispettur John Sammut osserva li r-raġel ikkopera bis-sħiħ l-għada tal-inċident.
L-avukat tiegħu, Ingrid Zammit Young, osservat li r-raġel kien fis-sakra u muġugħ fil-ħin tal-inċident. Il-Qorti nnutat li dan kien inċident sfortunat u r-raġel ma kellu l-ebda intenzjoni li jwettaq ir-reati li kien akkużat bihom. Ħadet ukoll nota tal-apoloġija li huwa għamel.
Il-prosekuzzjoni ma insistietx fuq priġunerija effettiva. Il-Qorti kkundannat lir-raġel tmien xhur ħabs sospiżi għal sena. Huwa ġie mmultat €800. L-Ispettur John Sammut mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young dehret għall-akkużat.
//= $special ?>