Sport

Stennija għall-ġlieda bejn Tyson u Jake Paul

Miljuni ta’ dilettanti tal-boxing għada mistennija jassistu permezz tat-televizjoni u  għexieren ta’ eluf ġewwa l-AT&T Stadium, għar-ritorn ta’ Mike Tyson fir-ring għal ġlieda li jista’ jkollha laqta kummerċjali kontra Jake Paul.

Jake Paul, li twieled sitt xhur qabel ma’ Tyson gidem biċċa minn widna ta’ Evander Holyfield fir-rematch bejniethom fl-1997, kiber bħala youtuber qabel ma dawwar l-attenzjoni tiegħu għall-boxing.

L-esperjenza ta’ Jake Paul tibqa’ limitata għal 11-il ġlieda fejn rebaħ 10, sebgħa b’knockout u tilef darba.

Huwa jistenna li Mike Tyson ikun aggressiv kif dejjem kien.

Il-potenzjal ta’ Mike Tyson jibqa’ li hu, fejn it-talent u l-qawwa distruttiva għamluh l-iżgħar champion tal-heavyweight fl-istorja fl-1986, fl-età ta’ 20 sena u erba’ xhur.

L-istess Mike Tyson huwa ħerqan għar-ritorn fir-ring.

Wieħed irid jara biss jekk il-ħeġġa, il-velocità u s-saħħa ta’ Mike Tyson għadhiex l-istess meta llum għandu 58 sena.