Tabiba li qed tiffaċċja akkużi ta’ ġrieħi gravi wara li rriversjat għal fuq sewwieq ta’ mutur, kienet l-ewwel waħda li tagħtu l-għajnuna medika fuq il-post, semgħet il-Qorti fil-każ ta’ Efunbowale Adeola Johnson ta’ 63 sena li tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużata bi ġrieħi gravi b’mod involontarju u sewqan bl-addoċċ.
L-Avukat difensur Stefano Filletti spjega li nhar l-Erbgħa l-mara kienet qed tirriversja minn post ta’ parkeġġ bl-indikaturi mixgħula, meta semgħet daqqa fuq il-bumper ta’ wara tal-vettura. Il-ħoss irriżulta li kien ħabta ma’ raġel li kien qed isuq bil-mutur tiegħu.
Il-prosekuzzjoni qalet li qed toġġezzjona għal talba għal libertà proviżorja purament minħabba li Johnson hija ta’ nazzjonalità barranija u dalwaqt se terġa’ tmur f’pajjiżha, fir-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, l-Ispettur tal-Pulizija Joseph Mallia qal li l-mara kkooperat bis-sħiħ u saħansitra kienet l-ewwel waħda li tat l-assistenza medika lir-raġel peress li hija tabiba.
Filletti argumenta li peress li Johnson hi barranija, huwa l-uniku fattur li qed issir oġġezzjoni għal-libertà proviżorja, għaldaqstant il-Qorti għandha ssib rimedji alternattivi biex takkomoda t-talba. L-akkużata, hija professjonist mediku ta’ fama li ma toħloqx riskju la fuq it-titjira u lanqas riskju li tbagħbas l-evidenza.
Dan mhux każ ta’ xi ħadd li saq b’veloċità u bi traskuraġni u waqqa’ lil xi ħadd mal-art perkonsegwenza, iżda wieħed fejn il-fatti ta’ dak li ġara għadhom ikkontestati. L-att tal-ħruġ minn post ta ‘parkeġġ, huwa qal, dejjem jiġi b’element ta’ viżjoni mnaqqsa u l-fatti tal-każ għadhom mhumiex kompleti.
Ir-raġel tal-mara, li huwa wkoll tabib, aċċetta li jidħol bħala garanti għal martu u żgura lill-Qorti li hija se tattendi lura Malta għas-seduti tagħha meta mitluba. L-Avukat Filletti qal li dan jorbot lit-tnejn li huma jattendu għas-seduti, u peress li t-tnejn huma impjegati mal-NHS, ikollhom riperkussjonijiet serji fuq iż-żewġ karrieri tagħhom jekk jonqsu milli jobdu lill-Qorti.
Ingħatat il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €5,000 u €10,000. Ġiet ordnata wkoll tibgħat email lill-ispettur tal-prosekuzzjoni kull ġimgħa u tinforma lill-Qorti jekk bidlitx l-indirizz tagħha.
//= $special ?>