Lokali Qorti

Żewġt irġiel akkużati wara s-sejba ta’ 146 kilo kokaina fil-Port Ħieles b’valur ta’ €20 miljun

Żewġt irġiel ġew mixlija b’rabta mal-qabda ta’ 146 kilo droga kokaina stmata li tiswa ‘l fuq minn €20 miljun. Roderick Camilleri ta’ 44 sena minn Birżebbuġa, u Darren Dimech ta’ 46 mill-Fgura, tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużati bi traffikar ta’ droga, importazzjoni ta’ kokaina u konfoffa.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Talbiet mill-prosekuzzjoni għal ordnijiet ta’ ffriżar fir-rigward taż-żewġt irġiel ġew aċċettati wkoll mill-Qorti. Fl-awla kien hemm preżenti wkoll il-familjari tal-akkużati, li dehru eċċitati u mbikkma. Waqt il-kawża ftit li xejn ħarġu dettalji.

Camilleri u Dimech huma tnejn minn erba’ rġiel li ġew arrestati aktar kmieni din il-ġimgħa meta l-Pulizija interċettaw kontejner ħiereġ mill-Port Ħieles li rriżulta li kien ippakkjat bil-kokaina. Il-Pulizija qalet li għamlet spezzjoni ta’ rutina u skopriet madwar 105 kilogramma tad-droga moħbija wara s-seat tas-sewwieq u s-seat tal-passiġġier, jiġifieri fil-kabina.

Waqt it-tfittxija fil-kontejner instabu 41 kilogramma oħra ta’ kokaina, li b’kollox waslu għal 146 kilogramma, b’valur fit-triq stmat ta’ €20 miljun. Huwa maħsub li l-kokaina oriġinat mill-port ta’ Guayaquil, fl-Ekwador, u kienet maħsuba li tinbiegħ fis-suq lokali, qalet il-Pulizija.

Żewġt irġiel oħra, wieħed ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żabbar, ġew arrestati waqt il-qabda. Dawn iżda ma ssemmewx waqt il-kawża fejn huwa mifhum li wara li ġew interrogati ġew rilaxxati fuq ‘police bail’.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Camilleri dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia waqt li għal Dimech deher l-Avukat George Anton Buttigieg.