Lokali

Il-Higher Secondary ifakkar l-40 anniversarju

40 sena ilu twaqqfet il-Higher Secondary tan-Naxxar. U sabiex jitfakkar dan l-anniversarju, il-Ġimgħa saret ċerimonja bis-sehem tal-istudenti, kif ukoll għalliema, u mistidnin oħrajn.

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono attendiet għal din iċ-ċerimonja u enfasizzat ir-rwol kruċjali li l-istudenti għandhom fil-ħolqien ta’ futur aħjar għall-pajjiż. Hija ħeġġet lil dawk preżenti biex jagħtu prijorità kemm lill-edukazzjoni akkademika kif ukoll lill-iżvilupp soċjali, filwaqt li jibqgħu konxji tal-kuntest storiku u attwali ta’ madwarhom.

Matul iċ-ċelebrazzjoni, ġew esibiti diversi stalls li esponew il-ħidma ta’ għaqdiet u clubs tal-iskola, li jipprovdu opportunitajiet uniċi għall-istudenti biex jiżviluppaw il-passjonijiet tagħhom.

F’intervista ma’ Net News… il-Kap tal-Iskola Anna Spiteri Meilak, enfasizzat kif il-Higher Secondary qed tkompli tkun pilastru importanti fl-edukazzjoni post-sekondarja f’Malta, filwaqt li tirrispondi għall-bżonnijiet dejjem jinbidlu taż-żgħażagħ.

L-istudenti, min-naħa tagħhom, esprimew sodisfazzjon għall-esperjenza tagħhom fl-iskola; f’ambjent li jinkoraġġixxi kemm l-għarfien kif ukoll l-iżvilupp personali.

F’dawn l-40 sena kienu eluf l-istudenti li għaddew il-Higher Secondary. U għal ħafna, din l-iskola sservi bħala pass importanti lejn l-MCAST jew l-Universita… u anke biex ikomplu l-istudji tagħhom barra l-pajjiż jew f’korsijiet oħrajn.