Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ ksur billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta (INFR(2024)2259), talli naqset milli tippreżenta l-aġġornament finali tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs, National Energy and Climate Plans), f’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika.
L-aġġornament finali tal-NECPs huwa għodda kruċjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistabbilixxu pjan direzzjonali konkret biex jintlaħqu l-għanijiet maqbula tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika fost l-oħrajn. Dawn huma wkoll kruċjali biex il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-pożizzjoni kollettiva tal-Istati Membri f’termini tal-ambizzjoni lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030.
Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar il-Governanza, l-Istati Membri kollha kellhom jippreżentaw l-aġġornament finali tagħhom tal-NECPs sat-30 ta’ Ġunju 2024. S’issa, il-Kummissjoni rċeviet il-verżjoni finali ta’ 14-il pjan. B’segwitu għal skambji estensivi wara l-preżentazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet u l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, dawn it-13-il Stat Membru għadhom ma ppreżentawx l-aġġornament finali tagħhom tal-NECPs.
Il-Kummissjoni hi tal-fehma li xi stati membri, fosthom Malta, qed jiksru l-obbligu tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Governanza u għalhekk qed tibgħat l-ittri ta’ intimazzjoni.
Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Ittra ta’ intimazzjoni simili għal dik ta’ Malta, intbagħtet ukoll lil xi stati membri oħrajn.
//= $special ?>