Internazzjonali

Il-Kungress Amerikan sema’ aktar stqarrijiet dwar l-eżistenza tal-UFOs

Il-mistoqsija ta’ ħajja ‘l barra mid-dinja hija wahda li ilha ssir. Fil-fatt illum, bis-seduti li qed isiru fil-Kungress Amerikan, dan is-suġġett m’għadux wieħed riservat għal nies li jemmnu fit-teoriji ta’ kospirazzjoni, iżda huwa wieħed li qed jiġi diskuss f’livelli għoljin f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Membri fit-tmexxija tal-Kungress fl-Amerika qed jagħmlu enfasi kontinwu fuq il-possibbiltà li hemm oġġetti inspjegabbli li qed jinvadu l-ispazju tal-ajru u qed ikomplu jisħqu li l-militar ilu jaħbi dan il-fenomenu għal għexieren ta’ snin. Apparti minn hekk, qed isiru akkuzi li mhux talli l-militar qed jgħatti din ir-relevazzjoni, iżda qed jiżviluppa teknologija simili.

Is-seduta tal-Kungress bit-titlu ‘Unidentified Anomalous Phenomena: Exposing the Truth’ użat it-terminoloġija UAP minflok it-terminu frekwentament użat ta’ UFOs. L-għan ta’ dan kien biex titneħħa l-istigma li hi assoċjata ma’ dan l-isem.

Tul l-aħħar sena, leġiżlaturi qed jippruvaw jimplimentaw liġijiet ġodda biex ikun hemm iżjed trasparenza fuq dan is-suggett. Fil-fatt qed jippruvaw jimplementaw civilian reporting mechanism kif ukoll nedew mozzjoni quddiem l-eżekuttiv sabiex jiddeklassifikaw informazzjoni u rapporti. Iżda saħqu li hemm iżjed xi jsir.

Fil-fatt, fir-rimarki tagħha, Nancy Mace qalet li seduta waħda mhux biżżejjed għax hemm ħafna informazzjoni li hija riservata mill-poplu rigward il-UFOs. U rimarkat li d-Dipartiment tad-Difiza Amerikana u l-Pentagon għandu reputazzjoni għas-segretezza estrema li ttellef il-fiduċju tal-poplu fihom.

L-Amministratur tan-NOAA, Timothy Gallaudet, oċeanografu Amerikan, qal li kellu okkażjoni fejn seta’ jikkonferma li l-UAPs jeżistu u mgħarfin mill-militar Amerikan meta kien jaħdem man-NAVY waqt eżercizzju li kien qed isir fil-Kosta tal-Lvant, f’Gallaudet. Qal li kien irċieva email li twissi kawtela minħabba li hemm potenzjal ta’ kolliżjonijiet fl-ajru fejn saħaq li l-intenzjoni tagħha kien biex jara jekk demostrazzjonijiet sigrieti relatati mal-UAPs kienu qed jiġru. Enfasizza l-punt ukoll li din l-email sparixxiet mill-kont elettroniku tiegħu.

Gallaudet qal ukoll li satellita li ssegwi UAPs qabdet ritratti li għadhom ma tqassmux mal-Kungress, iżda ma tax iżjed informazzjoni għajr li l-oġġett kien jidher qisu plattina.

Ħafna iżjed uffiċjali, li rrizenjaw minn rwoli prominenti fil-Pentagon saħqu li ħafna mid-dokumenti huma klassifikati bħala reservati li b’hekk strinġew lil ċertu individwi milli jkunu jistgħu jitkellmu. Ħafna qalu wkoll li l-Gvern Amerikan għandu eluf ta’ ritratti li juru dan il-fenomenu.