Internazzjonali

Il-Libanu: Kompla l-konflitt ma’ Iżrael fost il-qtil ta’ ħaddiema mal-iskwadri tas-salvataġġ

Il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah qed jidhru li rkupraw ftit mill-kapaċitajiet militari wara li ilhom l-aħħar xahrejn suġġetti għall-attakki bla heda mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael. L-attakki qerdu kważi lill-mexxejja ewlenin kollha tal-grupp flimkien ma’ ħafna faċilitajiet u infrastruttura militari tal-milizji.

L-analisti u l-osservaturi, intant, qed jaqblu li l-Ħeżbollah xorta qegħdin jisparaw il-missili ‘kuljum’ lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera għalkemm żgur li l-azzjonijiet tilfu ħafna mill-intensità ta’ qabel.

Il-grupp Ħeżbollah, fil-fatt, hu entità armata u politika bbażata fil-Libanu u li għandu influwenza akbar fil-pajjiż milli għandu l-Gvern Lebaniż immexxi mill-Prim Ministru Najib Mikati.

Sadanittant, Mikati, li kien qed jitkellem waqt żjara, f’Bejrut, minn Ali Larijani,il-konsulent ewlieni għall-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, qal li l-Gvern immexxi minnu qed jagħmel minn kollox biex jilħaq ftehim għal waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael.

Il-Gvern Lebaniż irid anki jimplimenta bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1701 mingħajr xi emendi jew interpretazzjonijiet li jmorru ‘l hinn mill-kontenut tar-riżoluzzjoni. Dan meta qed ikomplu n-negozjati għall-finalizzazzjoni ta’ ftehim aktar ‘il quddiem – u bil-Ħeżbollah, għall-kuntrarju, qed jidhru determinati biex ikomplu bil-konflitt minkejja kollox.

Sadanittant, qed jinqatlu aktar ċivili u milizji tal-Ħeżbollah waqt ir-rejds kontinwi tal-Iżraeljani fuq id-diversi zoni fil-Libanu.

Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet ta’ fejda, fl-aħħar sigħat, ikkundannaw bla riservi l-qtil ta’ mill-anqas 20 ħaddiem mal-iskwadri tas-salvataġġ li qed iwieġbu għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fl-artijiet Lebaniżi tal-Grigal.

L-azzjoni qattiela kienet l-agħar ta’ dan it-tip li tinvolvi lill-ħaddiema ma’ dawn l-iskwadri kemm ilha li bdiet il-gwerra fil-Libanu lejn l-aħħar tas-sajf.

L-attakk fuq Douris, viċin il-belt ta’ Baalbek, qered għal kollox il-bini tal-aġenzija għad-difiża ċivili  li għandha l-konnessjonijiet mal-Gvern Lebaniż u l-ebda affiljazzjoni mal-moviment tal-Ħeżbollah.

Il-Gvernatur tar-reġjun, Bachir Khodr, qal li fost il-vittmi hemm il-Kap Ewlieni Bilal Raad li kien imexxi l-operat għas-salvataġġ tan-nies li jispiċċaw f’sitwazzjonijiet perikolużi b’kaġun tal-azzjonijiet tal-ajru min-naħa tal-Iżraeljani.

Dan meta l-vittmi u l-midruba f’Douris mistennija jiżdiedu.

Il-militar Iżraeljan, intant, ma kkummentax dwar l-attakk fuq Douris u li l-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż fissru bħala wieħed ‘barbaru’.

L-entitajiet Lebaniżi għad-difiża ċivili anki qed jieħdu ħsieb l-impenji ta’ search and rescue minbarra li qed jikkumbattu l-inċidenzi tan-nirien fl-inħawi milqutin mill-bombi u l-missili tal-Iżraeljani.

Rapporti oħra, fl-istess ħin, irreferew għal attakk ieħor mill-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani li konċentraw fuq iz-zoni tar-reġjun ta’ Nabatieh, lejn in-naħa t’isfel tal-Libanu. Hawnhekk ukoll inqered iċ-ċentru lokali għad-difiża ċivili fil-belt ta’ Arab Salim u fejn inqatlu għaxar persuni, fosthom paramediċi.

Skont il-Ministeru tas-Saħħa f’Bejrut, inqatlu madwar 200 ħaddiem tas-saħħa u għall-emerġenzi fil-Libanu b’kaġun tar-rejds tal-ajru fuq il-pajjiż li ilhom għaddejjin mill-eskalazzjoni, f’Settembru, tal-konflitt ta’ Iżrael mal-Ħeżbollah.

Hu minnu wkoll li l-Iżraeljani qed jintensifikaw il-kampanja tal-ajru fuq is-subborgi lejn in-nofsinar ta’ Bejrut fejn hemm il-bażijiet ewlenin tal-Ħeżbollah.

Fil-fatt, dawn iz-zoni sfaw mira għall-missili tal-Iżraeljani għar-raba’ jum konsekuttiv – u wara li l-qawwiet ta’ Iżrael kienu ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni taċ-ċivili fost it-twissija li l-ajruplani kienu qed jimmiraw għall-infrastruttura militari tal-milizji Xiti.

Fl-aħħar sigħat ukoll intensifikaw l-isforzi internazzjonali għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħeżbollah, bl-uffiċjali tal-Istati Uniti jwasslu l-ewwel proposta uffiċjali għal ftehim lill-awtoritajiet Lebaniżi.