Nora Achahbar, is-Segretarju Olandiża għall-Benefiċċji u d-Dwana, iddeċidiet li tirriżenja minħabba diversi rimarki razzisti fi ħdan il-Kabinett u li segwew il-vjolenza tal-ġimgħa l-oħra f’Amsterdam. Il-vjolenza żbruffat wara li partitarji tat-tim tal-futbol Iżraeljan Maccabi Tel Aviv spiċċaw attakkati minn gruppi ta’ persuni, uħud ta’ nisel Marokkin, wara l-logħba tal-Europa League bejn Maccabi u Ajax Amsterdam.
Intant, Achahbar, Eks Imħallef li wkoll għandha nisel Marokkin, qalet li saru ħafna kummenti razzisti waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri – jew il-Kabinett governattiv – f’Amsterdam. Dan ukoll meta Ministri oħrajn mal-Partit Konservattiv għall-Patt Soċjali – li hu wieħed minn erba’ partiti li jiffurmaw il-Koalizzjoni – huma inkwetati ħafna dwar it-tensjoni fl-Olanda.
Mifhum li l-gruppi li attakkaw lill-partitarji Iżraeljani kienu ‘pro-Palestinjani’ li riedu jiżfugaw l-għadab għall-mejtin waqt il-gwerra ta’ Gaza.
U waqt li l-Mexxejja Ewropea qalu li l-Iżrealjani f’Amsterdam kienu suġġetti għall-attakki antisemitiċi, hemm anki l-messaġġi fuq il-midja soċjali li l-partitarji ta’ Maccabi kienu instigaw il-vjolenza fil-jiem u s-sigħat ta’ qabel il-logħba kontra Ajax.
//= $special ?>