Wara li sar magħruf li l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo ħadet eluf ta’ ewro għal konsulenza li qatt ma għamlet, l-apoloġija tiegħu qed tibqa’ meqjusa mill-Kabinett Laburista bħala iktar minn biżżejjed. U sadanittant, il-flus tal-poplu Malti u Għawdxi għadhom ma ġewx ritornati.
Din id-darba kien imiss lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said li tiddefendi l-azzjonijiet ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri.
Mistoqsija minn dan l-istazzjon jekk hi taqbilx ma’ dak li seħħ, Bugeja Said qalet biss li m’għandha xejn iżjed xi żżid ma’ dak li qal il-Prim Ministru; li bażikament aċċetta l-apoloġija ta’ Bartolo u għażel li jitfa’ kollox taħt it-tapit.
Ġ: “Dawn il-flus €70,000 li ngħataw lil Amanda Muscat] setgħu ntefqu ħafna aħjar.
ABS: Bħala l-Gvern aħna qegħdin ninvestu €8 miljun fejn jidħlu s-sajjieda u jidħlu d-drittijiet tal-annimali…
Ġ: U dawk l-eluf li ntefqu għal konsulenza li qatt ma saret?
ABS: … għal bdiewa għandna diversi miżuri li se nkunu qed inħabbru.”
U agħar minn hekk, flok ħa azzjoni, Robert Abela għażel li jattakka b’mod partiġjan lill-PN. Dan meta l-fatti dwar Amanda Muscat ħariġhom il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Intant, is-Segretarju Parlamentari dehret ferm skomda meta affaċċjata bid-domanda jekk hi tkunx lesta tagħmel l-istess bħalma għamel Clayton Bartolo.
Ġ: “Kieku inti, lir-raġel tiegħek iddaħħlu f’xi ministeru ta’ xi ħabib jew ħabiba tiegħek?
ABS: Jiena naħseb li rrispondejtek u m’għandi xejn iżjed xi nżid ma’ dak li diġà għidtlek.
Ġ: Tweġiba ta’ iva jew le nixtieq.
ABS: Jiena rrispondejtek.”
Risposta li tatha wara konferenza tal-aħbarijiet li suppost saret għas-sajjieda; iżda Bugeja Said sabet biss quddiemha siġġijiet vojta.
//= $special ?>