Bejn illum il-Ġimgħa u l-Ħadd 17 ta’ Novembru, it-Teatru Manoel se jtella’ l-produzzjoni ta’ Ewropide MEDEA, fil-verżjoni adattata minn Ben Power. Tkellimna mad-diretturi ta’ din ir-rappreżentazzjoni, Bettina Paris u Becky Camilleri, li se tkun qed tagħmel il-parti ta’ Medea, biex nifhmu iktar kif qed iħossuhom waqt li qed jaħdmu fuq dan il-proġett ikoniku.
L-istorja ta’ Medea ġiet imtellgħa u adattata diversi drabi. X’taħseb li jagħmel din il-produzzjoni daqshekk unika u eċitanti?
Bettina: Din l-adattazzjoni ta’ Ben Power għadha qatt ma ttellgħet f’Malta, u hija biċċa xogħol tajba li tqarreb l-istorja ta’ Medea għas-seklu 21 – mingħajr ma telimina xejn mit-traġedja. Imma lil hinn mill-addattazzjoni, l-istorja ta’ Medea tqanqal ħafna emozzjonijiet hekk kif Ewropide għażel li jgħaddi mingħajr l-istejjer tal-allat u l-ħrejjef mitiċi, u ħoloq karattri tassew reali u traġiċi. Nittamaw li l-produzzjoni tagħna tkun waħda li l-udjenzi jirrelataw magħha permezz tal-esplorazzjoni tal-familja, qsim il-qalb u retribuzzjoni li huma kollha preżenti f’din l-istorja.
Becky: F’livell veru bażiku, ngħid li hija produzzjoni eċċitanti għax fiha jieħdu sehem uħud mill-aqwa talent f’Malta, u f’varjetà ta’ etajiet u dinamiċi differenti, u b’hekk kulħadd jikkontribwixxi xi ħaġa differenti f’din il-produzzjoni. Hemm ukoll daqsxejn xogħol impressjonanti li qed isir mit-tim kreattiv: Matteo Depares ħoloq soundtrack totalment oriġinali għal din il-produzzjoni filwaqt li Sandra Mifsud qed tieħu ħsieb il-moviment, li t-tnejn li huma jagħmlu parti integrali minn dan ix-xogħol. F’livell iktar profond, imbagħad, ngħid li mingħajr ma jinbidel it-test oriġinali, il-produzzjoni hija ċarament ibbażata f’Malta fl-2024. Dan ifisser li l-udjenzi se jkunu jistgħu jaraw u jagħrfu lilhom infushom jew nies li jafu kemm fl-istorja u anke fil-karattri. Wara kollox, l-istorja hija waħda domestika: tiffoka fuq Medea u Jason, is-separazzjoni tagħhom u l-qsim ta’ qalb li jiġi wara.
Kif mortu fil-provi ma’ dan it-tim tant impressjonanti?
Bettina: Din hija l-ewwel darba tiegħi li qed nidderieġi test klassiku u dramm epiku, kemm fil-kontenut tiegħu u anke bħala livell. B’hekk, din hija wkoll l-ewwel darba tiegħi li qed naħdem ma’ kast u kru daqstant kbir! Għall-bidu kont daqsxejn nervuża dwar dan kollu, imma dawn in-nervi malajr għebu ladarba bdejna l-provi. Dan it-tim ma kien xejn għajr fantastiku biex taħdem miegħu!
Becky: Il-chorus huwa parti essenzjali mill-produzzjoni ta’ MEDEA, u b’hekk kienet kruċjali li tinħoloq fiduċja u atmosfera tajba bejn il-kast u l-ensemble sa mill-bidu tal-provi. Bettina daħlet f’din il-produzzjoni b’viżjoni ċarissima u dan il-proċess tassew qed joħroġ l-aqwa talenti tagħna kollha. Il-provi huwa taħlita mill-isbaħ ta’ xogħol madwar il-mejda fejn induru l-iscript imbagħad ikollna daqsxejn eżerċizzji fiżiċi u anke koreografija li jħeġġuna u jimlewna eċċitament biex intellgħu dan ix-xogħol fuq il-palk.
La semmejna l-palk, taħseb li l-fatt li MEDEA se tittella’ fuq il-palk tat-Teatru Manoel se jkollu impatt fuq dan ix-xogħol?
Bettina: Dażgur li se jħalli impatt! It-Teatru Manoel – kemm il-palk u anke l-auditorium – huma tant grandjużi li jħallu impatt fuq kull tip ta’ xogħol li jittella’ ġo fih. Bħala disinn, kellna naħsbu dwar id-daqs u l-għoli tal-palk u nużawh b’mod mill-iktar effettiv. Qed naraw ukoll li ninkludu l-eri differenti li hemm fil-produzzjoni, il-Greċja tal-qedem mill-istorja oriġinali, l-elementi Barokki tal-binja, u t-temi mill-2014, meta Ben Power addatta din l-istorja u ovvjament temi mil-lum, l-2024, is-sena li qed tittella’ fiha. It-teatru jħalli impatt ukoll fuq kif qed isiru l-provi, hekk kif l-attur jipprova jinseġ stil ta’ reċtar naturalistiku waqt li jipproġetta biżżejjed biex jintlaħaq minn kull kantuniera tat-teatru. Jekk toqgħod taħseb dwar dan, tirrealizza li mhuwiex ’il bogħod minn kif kienu jirreċtaw fl-amfiteatri fil-Greċja tal-qedem…
U Becky, kif tħossok li qed tagħmel dan ir-rwol tant kbir fuq il-palk tat-Teatru Manoel?
Becky: Ifhem, mhux xi ħaġa faċli, imma fl-istess ħin hija ta’ unur kbir għalija. Medea huwa rwol li jkollok darba f’ħajtek u żgur huwa ħolma ta’ kull attriċi. Il-pressjoni qed inħossha imma nħossni komda mat-tim u ninsab fuq ix-xwiek sabiex nagħti l-ħajja lil dan il-karattru fuq il-palk.
Biex issir taf iktar dwar MEDEA u biex tibbukkja l-biljetti, żur jew ċempel lil Box Office tat-Teatru Manoel 21246389.