Lokali Qorti

Milqugħa talba għal differiment fil-każ ta’ Chris Fearne u Edward Scicluna b’riżultat tal-ilment kriminali kontra espert tal-Qorti

Il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna u oħrajn b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals u eventalment lil Steward Health Care, ġiet differita wara l-ilment kriminali mressaq kontra espert tal-Qorti.

Dan seħħ wara li l-prosekuzzjoni qalet li mhux se ttella’ tixhed lill-esperta Miroslava Milenovic, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ġie mitlub biex jinvestigaha fuq talba li saret mill-avukati ta’ Joseph Muscat u l-akkużati l-oħra kollha b’rabta ma’ dan il-każ.

Hekk kif kienet se tkompli l-kumpilazzjoni l-Ġimgħa filgħodu, l-Avukat Francesco Refalo f’isem l-Avukat Ġenerali qal lill-Maġistrat Leonard Caruana li fis-seduta tal-Ġimgħa kellha tixhed l-esperta Serba, Milenovic. Madankollu, wara dak li seħħ fl-aħħar 24 siegħa, qal li jkun aħjar li ma tixhidx u s-seduta tiġi posposta għal data oħra, anke minħabba l-fatt li hi kienet l-unika xhud f’dan il-każ.

Id-difiża tal-akkużati kollha ma qablux ma’ dan, fejn qalu li ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni ċara dwar dan kollu u li jekk dan qed isir biex l-esperta ma tinkriminax ruħha, għandu jiġi spjegat lill-Qorti u l-partijiet. Staqsew jekk din kenitx ukoll deċiżjoni unilaterali min-naħa tal-AĠ.

Minn naħa tiegħu, l-Avukat Refalo qal li hija l-prosekuzzjoni li tagħżel meta u lil min ittella’ bħala xhud f’dan l-istadju. Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u numru ta’ persuni oħra akkużati b’rabta mal-konċessjoni tal-isptar Vitals talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra espert forensiku li xehed li ma kinitx warranted accountant minkejja li kienet appuntata accountant forensiku minn maġistrat inkwirenti.

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Maġistrat Caruana iddiferixxa l-każ għal bħal-lum ġimgħa, 22 ta’ Novembru fid-9.30am fejn se jkun qed jisma’ l-każ għal tliet sigħat. Il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li se ttella’ xhieda oħra biex is-seduta tkompli.

Nhar l-Erbgħa waqt il-kontro-eżami tal-esperta Milenovic, l-avukati ta’ Muscat u l-akkużati l-oħra bdew jikkontestaw il-kwalifiki tagħha fil-Qorti u qalu li kienu se jressqu l-każ kontriha fuq meta kienet imqabbda fl-inkjesta dwar il-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet li issa ġie annullat.

Fil-każ li fetħu, huma talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kriminali kontra l-esperta tal- forensiku wara li xhedet li ma kellhiex warrant fl-accountancy minkejja li kienet appuntata accountant forensiku mill-maġistrat inkwirenti.

L-espert kienet imħarrka bħala xhud nhar l-Erbgħa meta komplew il-proċeduri kontra Muscat u l-koimputati l-oħra. Taħt kontro-eżami strett mill-avukati ta’ Muscat, hija qalet li qatt ma kisbet warrant bħala accountant iżda insistiet li kienet “accountant kwalifikata”.

L-Avukati qed jenfasizzaw il-fatt li din l-espert kienet ġiet appuntata minn diversi maġistrati biex tassistuhom fl-inkjesti in genere tagħhom, dejjem bl-iskuża tad-dikjarazzjoni tagħha li kienet accountant. Madankollu, waqt il-kontroeżami tagħha nhar l-Erbgħa, Milenovic ammettiet li ma kinitx accountant.

Barra minn hekk, meta applikat għal permess ta’ residenza relatat max-xogħol f’Malta, Milenovic milli jidher kienet iddeskriviet ruħha bħala accountant. L-avukati qalu wkoll fit-talba tagħhom li fi proċeduri paralleli kontra l-Eks Deputat Ministru Chris Fearne, jiġifier it-tieni ‘batch’ ta’ akkużati marbuta mal-inkjesta Vitals, ir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali ppreżenta lista tal-“eluf ta’ ewro,” li rċeviet Milenovic għaliha, bħala xogħol espert fl-inkjesta.

U meta xehdet qabel maġistrati tal-inkjesta u fi proċeduri oħra tal-Qorti, Milenovic kienet regolarment ikkonfermat bil-ġurament li kienet esperta fl-accounts. L-Avukati talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-kwistjoni mingħajr dewmien u biex jieħu azzjoni kriminali kontra “s-suspettata” għal numru ta’ reati inklużi ġurament falz, użu malizzjuż ta’ dokumenti foloz, dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz, kisba ta’ flus permezz ta’ pretensi foloz, kif ukoll ksur taħt il-liġijiet tal-kontabbiltà u l-ħasil tal-flus.

Milenovic kellha tixhed ukoll fil-proċeduri kontra Shaukat Ali Chaudhry nhar il-Ħamis, iżda l-prosekuzzjoni għażlet li ma ttellagħhiex bħala xhud wara li rriżulta li kienet taf b’ilment kriminali mressaq kontriha hemm u mbagħad.

Chris Fearne, Edward Scicluna, l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, l-Avukat Deborah Chappell, qed jiġu akkużati wkoll b’miżapropriazzjoni ta’ fondi.

Huma qed jiġu akkużati bi frodi ta’ aktar minn ħamest elef ewro u li għamlu qligħ frawdalenti. Apparti dan, Camilleri, Rapa, u Mizzi huma mixlija li wettqu reat li kellhom dmir li jassiguraw li ma jitwettaqx. Akkużi oħrajn fil-konfront tal-akkużati huma dwar parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali u frodi.

F’Lulju li għadda l-Eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna tpoġġew taħt att ta’ akkuża b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals u eventalment lil Steward Health Care. Il-Maġistrat Leonard Caruana kien qal dakinhar li l-prosekuzzjoni ressqet biżżejed provi sabiex Fearne u l-Professur Scicluna, flimkien ma’ tlettax-il akkużat ieħor, jgħaddu ġuri.

Proċeduri jinsabu għaddejjin ukoll kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembru u l-Eks Ministru Konrad Mizzi u 11-il persuna oħra. L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha.

Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.

Deborah Anne Chappell qed tkun rappreżentata mill-avukati Stefano Filletti, Roberto Montalto, Maurice Meli u Joseph Mizzi. Għal Bradley Gatt qed jidhru l-avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Franco Galea. L-Avukat Giannella de Marco qed tidher għal Aron Mifsud Bonnici. James Camenzuli huwa rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u David Farrugia Sacco. Manuel Castagna qed ikun difiż mill-avukat Ezekiel Psaila. Għal Robert Borg qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri. DF Advocates qed tkun rappreżentata mill-avukati Ezekiel Psaila, Franco Debono, Marion Camilleri u Jonathan Thompson.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Fracesco G Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.