Raġel ta’ 44 sena, residenti l-Mellieħa li għall-ewwel ammetta li kkaġuna vjolenza psikoloġika fuq martu iżda wara li l-Maġistrat Charmaine Galea qalet li dan huwa każ ta’ piena karċerarja ddeċieda li jibdel l-ammissjoni tiegħu f’waħda ta’ mhux ħati, hekk kif tul is-seduta kollha ma waqafx jolfoq u jibki u jgħid li huwa jħobb lil martu. Huwa qal li ddispjaċih ukoll għal dak li għamel.
Ir-raġel huwa Tuneżin u li huwa miżżewweġ lill-allegata vittma 14-il sena u għandhom tifla ta’ 13-il sena. Huwa qal fil-Qorti li jaħdem bħala xufier tat-taxi u barbier. L-Ispettur Christian Cauchi spjega lill-Qorti li l-akkużat kellu atteġġament ta’ għira sfrenata u ma kienx iħalliha tkellem irġiel.
Qal li martu qaltlu li l-atteġġament ta’ żewġha minn dejjem kien hekk u li kienet qieset drat is-sitwazzjoni. Kienet iz-zija tagħha fil-fatt li għamlet rapport dwar dak li kienet għaddejja minnu n-neputija tagħha. L-Ispettur qal li kien hemm okkażjoni fejn l-akkużat kien iċempel lil martu li taħdem fl-IGaming u jgħidilha biex tagħmel il-mobile “on video call” biex ikun ċert li ma tkun fil-preżenza ta’ xi rġiel oħra,
Kien ukoll okkażjonijiet fejn ma jippermettilix li toħroġ u jekk tagħmel tmur it-tifla magħha. Kien ukoll sakkarha id-dar matul il-lejl u li darba wkoll mar fejn il-post tax-xogħol tagħha u beda jkellimha ħażin. Huwa ġie mixli li uża vjolenza psikoloġika, li ta fastidju lil martu, li heddidha b’meżżi ta’ kommunikazzjoni, li nġurjaha u li kiser il-paċi pubblika.
Mistoqsi mill-Qorti x’kien qed iwieġeb għal dawn l-akkużi, r-raġel qal li kien qed jammetti. Wara li ngħata ftit ħin skont il-liġi biex jerġa’ jaħsibha, reġa’ sostna li kien qed iwieġeb ħati. Hawn hekk saru s-sottomissjonijiet mill-partijiet fejn l-Avukat Thomas Barbara Sant li deher għall-akkużat qal li l-Qorti għandha tikkunsidra l-ammissjoni bikrija, il-fatt li hemm taħlita f’dan il-każ, li jħobbha ħafna, li jgħir għaliha u li għandu problemi psikoloġiċi.
L-Avukat kompla jgħid li ma jaħsibx li piena karċerarja hija idonea fil-konfront tiegħu meta l-mara stess qalet li m’għandhiex biża minnu fejn tidħol vjolenza, Meta l-Qorti qalet li ma kinitx se tagħti probation f’dan il-każ, l-akkużat bidel fehmtu u wieġeb mhux ħati meta ngħata ċans ieħor biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ martu u wissietu li bl-ebda mod ma jista’ jkellimha lanqas permezz ta’ terzi persuni, lanqas permezz ta’ bintu. Id-difiża m’għamlitx talba għall-pleġġ, bir-raġel jittieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>