Il-Mexxejja tal-Ewropa qed jappellaw ‘għall-aħħar darba’ lill-Gvern Amerikan li wasal biex jispiċċa rigward it-tisħiħ tal-għajnuna mill-Istati Uniti lill-Ukrajna – pajjiż li ilu minn Frar tal-2022 jirreżisti għall-aggressjoni tar-Russja.
L-appell hu wieħed dirett lill-President Amerikan attwali, Joe Biden, u meta l-Istati Uniti u d-dinja qed jistennew sakemm il-President-elett Repubblikan, Donald Trump, jassumi l-kontroll ta’ pajjiżu (f’Jannar) wara li hu rebaħ il-Presidenza għat-tieni darba fl-istorja.
Mhux mistenni li Trump, ‘il quddiem, se jestendi l-għajnuna militari lill-Ukrajna biex tkompli tiddefendi ruħha kontra l-Magna tal-Gwerra tal-President Russu, Vladimir Putin. U waqt li Donald Trump ftaħar kemm-il darba li ‘kapaċi jtemm il-gwerra (fl-Ukrajna) fi spazju ta’ ftit jiem’ ma hemm l-ebda provi li hu involut minn issa f’xi proċess potenzjali għall-waqfien mill-ġlied
Filwaqt li Trump stqarr li se jipprova jwassal għal ‘ftehim ta’ malajr’ bejn l-Ukrajna u r-Russja, l-Ewropa qed tinkwieta li ftehim bħal dan jista’ jfisser daqqa ta’ ħarta lill-interessi tal-Ukrajna. Ftehim li ‘jikkonferma l-artijiet tal-Ukrajna okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin bħala ‘territorji leġittimi tar-Russja’.
Għaldaqstant, il-mexxejja fl-Ewropa qed jitlobu biex l-Istati Uniti ‘ta’ Biden’ tipprovdi lill-Ukrajna b’aktar armamenti u artillerija, filwaqt li timplimenta s-sanzjonijiet addizzjonali kontra s-sorsi tad-dħul għall-Kremlin u Vladimir Putin.
Dan kollu jista’ jsir sakemm Trump jassumi uffiċjalment il-Presidenza tal-Istati Uniti fl-20 ta’ Jannar u bl-Ewropa anki qed titlob biex Washington jillimita l-kapaċitajiet tar-Russja biex tikseb it-teknoloġija ‘ipprojbita’ li tintuża għall-produzzjoni tal-armi.
Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, f’nofs il-ġimgħa kien fi Brussell (fil-Belġju) biex jaċċerta lill-Alleati tal-Unjoni Ewropea u n-NATO li l-Istati Uniti għandha tintensifika l-appoġġ lill-Ukrajna qabel l-inawgurazzjoni ta’ Trump bħala President. Hu ttamat li dan itaffi l-impatt tal-politika ġdida li jrid jintroduċi Trump wara snin ta’ kritika għall-appoġġ ta’ pajjiżu lill-Ukrajna biex tiddefendi ruħha aħjar kontra l-invażjoni tar-Russi.
//= $special ?>