Lokali Qorti

Raġel mixli b’racket tal-karti tal-identità jinżamm arrestat

Raġel Malti residenti l-Ħamrun baqa’ miżmum arrestat wara li l-Ġimgħa waranofsinhar tressaq il-Qorti b’rabta ma’ allegat racket tal-karti tal-identità fejn allegatamet ħareġ mal-1,500 fi ħruġ ta’ dokumenti residenzjali frawdolenti.

Harold Mamo ta’ 56 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea fuq akkużi relatati ma’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, ħasil ta’ flus u akkużi oħra relatati ma’ frodi, fejn uża dawn id-dokumenti biex iqarraq b’ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Huwa ġie mixli li wettaq dawn ir-reati fid-19 ta’ Awwissu u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, u b’kollox ġie akkużat bi 13-il akkuża. Il-Qorti, filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, ordnat biex ma tissemmix il-professjoni ta’ Mamo u li minbarra li din ma tissemmix fuq il-ġurnali u l-mezzi soċjali kollha, lanqas ma tissemma’ fuq il-gazzetta tal-Gvern, dawn fid-dawl tal-fatt li fuq ordni ta’ ffriżar, kif jirrelata ma’ dan il-każ, normalment tissemma’ l-professjoni tal-persuna.

Il-prosekuzzjoni semmiet kif waslu għal dan kollu fejn tkellmet dwar il-fatt li mara anzjana kienet iddaħħlet f’Dar tal-Anzjani f’Awwissu li għadda u mad-dar tagħha fl-Imsida qatt ma kellha mwaħħla letterbox. Xi ħadd mhux magħruf kien mar waħħal letterbox (ritratt) mal-faċċata tagħha.

Membri tal-familja kienu skoprew xi dokumenti relatati ma’ residence permits, li jfissru moviment ħieles (freedom of movement) lil persuni Indjani kontra l-liġi. L-Ispettur Karl Roberts qal li l-pulizija bdiet tinvestiga wara li posts fuq il-midja soċjali urew kaxxa tal-posta falza li qed tiġi installata fuq faċċata ta’ dar.

Roberts qal li sid il-propjetà tal-Imsida skopriet il-kaxxa tal-posta falza meta marret tiċċekkja fuq il-propjeta’ vojta, li kienet tgħix fiha ommha. Ftit jiem wara, il-mara nnotat li fil-kaxxa tal-posta bdew jidhru ittri mill-aġenzija tal-identità tal-gvern Identita’.

L-ittri kien fihom ħatriet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jieħdu dokumenti marbuta mal-applikazzjonijiet ta’ residenza tagħhom, qal l-ispettur. Il-Pulizija sabet li diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu rreġistrati bħala li jgħixu fid-dar. Il-mara kkonfermat li ma kienet tikri l-proprjetà lil ħadd.

Il-Pulizija staqsiet lir-residenti tal-kaxxa tal-ittri, li kkonfermaw li Mamo tahom il-kuntratti tal-kiri foloz. L-ispettur qal li Mamo ħaddem l-iscam minn uffiċċju ġewwa ħanut tax-xagħar li jinsab fi Gwardamangia. Diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew osservati deħlin fil-barber shop, qalu l-prosekuturi.

It-tfittxijiet fl-appartament ta’ Mamo wasslu għal €9,000 fi flus kontanti u ftehimiet ta’ kiri foloz. Roberts qal li l-arrest kien frott il-ħidma tal-pulizija u mhux inkjesta maġisterjali. Is-suspettat tkellem għall-ewwel darba mill-pulizija f’Awwissu u minn dakinhar ilu fuq police bail.

Kien l-Avukat Jason Azzopardi li żvela dan ir-racket aktar kmieni din is-sena u sostna li dawk involuti, fosthom uffiċjali ta’ Identita Malta, iġġeneraw madwar €60 miljun, dejjem b’mod kumplessiv u mhux b’rabta mal-każ ta’ Mamo biss.

Dan ir-racket allegatament beda jopera fl-2015 u ra madwar 18,000 karta tal-identità Maltija falza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Kull dokument allegatament inbiegħ għal prezzijiet li jvarjaw minn €2,000 sa €8,000.

Dan il-każ idur ma’ stejjer xokkanti dwar kif nies sabu li n-numri tal-karti tal-identità jew l-indirizzi tad-dar tagħhom kienu qed jintużaw potenzjalment b’mod illeċitu. Għal Mamo dehru l-Avukat Josè Herrera u Anita Giordemania, filwaqt li prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Andrea Zammit u Manuel Grech, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; u mill-Ispetturi Tonjoe Farrugia u Karl Roberts.