Lokali

“Se jkun il-poplu li se jwaqqaf lill-Ministri ta’ Abela milli jkomplu jitħanżru” – PN

Nhar it-Tnejn fis-6pm kulħadd għal quddiem il-Parlament biex isemma’ leħnu kontra Gvern li qed jiffroda lil niesu

Il-Ministri ta’ dan il-Gvern qed jibqgħu jitħanżru. Imma issa n-nies xebgħet u se jkun il-poplu stess li se jwaqqafhom milli jkomplu jiffrodawh.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, ix-Shadow Ministers Graham Bencini u Graziella Galea qalu li l-aħħar frodi mwettaq minn Ministri tal-Gvern, dak tal-iskandlu ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri, huwa ċ-ċirasa fuq il-kejk.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lil kull min għejja jinsteraq mill-Ministri li suppost qed jaħdmu għalih, biex nhar it-Tnejn ikun quddiem il-Parlament biex isemma’ leħnu u jwaqqaf il-ħniżrijiet ta’ dan il-Gvern. Bil-kliem biss ma jinbidel xejn. Il-poplu jrid juri l-għadab tiegħu billi nhar it-Tnejn ikun preżenti għal din il-protesta.

Lin-nies, il-Ministri mhux se jgħadduhom minn għajn il-labra u jagħlqulhom ħalqhom b’sempliċi sorry. Li żewġ ministri jikkonfoffaw biex jagħtu €70,000 lil mart wieħed minnhom talli ma tagħmel xejn, minn fuq dahar il-poplu, il-ħaddiem Malti mhu se joqgħod għaliha qatt.

Il-poplu mhux se joqgħod kwiet sakemm jara li Clayton Bartolo u Clint Camilleri jirriżenjaw u jroddu lura dak li serqu lill-Maltin u l-Għawdxin.

Jekk Robert Abela ma jaċċertax li dan isir, se jkun kompliċi daqshom. Se jkun ħati ta’ frodi hu wkoll, u se jkun ħati li prova jgħatti l-frodi li wettqu sħabu.

Din ta’ Clint Camilleri u Clayton Bartolo mhux l-ewwel każ ta’ frodi minn Ministri. Kienu Membri Parlametari tal-istess Partit Laburista li kkonfermaw li kulħadd qed jitħanżer.

Il-Gvern ta’ Robert Abela ta’ kuljum qed inawwar il-fiduċja tal-poplu fih u fl-esponenti tiegħu, imma qed ikompli jdeffes rasu fir-ramel u jagħmel tabirruħu li xejn mhu xejn u business as usual. Forsi għax din saret l-ordni tal-ġurnata – li l-Ministri jiffrodaw, u l-Prim Ministru jgħattilhom.

Li qed jirrifjuta li jifhem Robert Abela, minkejja t-twissija li diġà tah il-poplu f’Ġunju li għadda, hu li dan il-Gvern frodist xebba’ lil ħafna, anke lil ħafna li kienu fdawh.

Malta Żagħżugħa ma tridx Gvern li jaħdmek, imma Gvern li jaħdem għalik. Trid Gvern li jagħtik l-opportunitajiet, mhux li jieħu l-opportunità jisirqek ma’ kull nifs li jieħu. Trid Gvern li jħoss ir-realtajiet tiegħek, li jgħixhom u li jaħdem biex int tgħix f’pajjiż normali, fejn jgħodd dak li taf, mhux lil min taf.

Il-protesta ta’ nhar it-Tnejn se tkun il-karba tal-ħaddiem li ta’ kuljum joħroġ għax-xogħol, u li jinsab irrabjat li minn butu ta’ kuljum jitħanżru l-Ministri. Se tkun il-karba taż-żgħażagħ li jridu jgħixu f’pajjiż ġust li joffri opportunitajiet lil kulħadd, mhux lill-ħbieb tal-Ministru biss. Se tkun il-karba tal-anzjan li jrid jgħix l-anzjanità tiegħu f’pajjiż fejn il-Ministri jaraw kif se jagħmlulek ħajtek aħjar, mhux kif se jiffangaw huma.

Il-PN qed jappella lil kull min jixtieq il-bidla li Malta tant teħtieġ, biex nhar it-Tnejn fis-6pm ikun quddiem il-Parlament biex isemma’ leħnu u jkun parti mill-mixja għal Malta Żagħżugħa.