Mietu talanqasx għaxar persuni fost in-nirien li ħakmu sezzjoni ta’ ċentru għall-kura tal-anzjani viċin il-belt ta’ Zaragoza. Indarbu wkoll numru ta’ nies u meta l-investigazzjoni dwar il-kawża tan-nirien qed tkompli.
Il-kumpless jinsab fil-belt ta’ Villafranca de Ebro u n-nirien qabdu kmieni l-Ġimgħa filgħodu u f’ħin meta kien hemm aktar minn 80 resident fil-kmamar. L-istess kumpless kien fetaħ, sittax-il sena ilu, bħala dar għall-anzjani iżda llum qed jagħti l-kura speċjalizzata lir-residenti li jbatu bid-dimenzja u problemi tas-saħħa mentali
L-etajiet tal-vittmi ma kenux magħrufa u bis-servizzi għall-emerġenzi jdumu biex jikkontrollaw il-fjammi. Mifhum ukoll li fost il-midruba li kienu salvati min-nirien hemm anki xi persuni f’kundizzjoni kritika.
Intant, mhux eskluż li t-traġedja seħħet wara li saqqu f’waħda mill-kmamar spiċċa ħa n-nar għal xi raġuni jew oħra. Fl-istess ħin, jidher li l-parti kbira tal-vittmi tilfu ħajjithom wara li huma belgħu d-dħaħen tossiċi.
Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sánchez, fl-aħħar sigħat, esprima x-xokk u dieqa dwar it-traġedja filwaqt li wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi f’kapaċità personali u għan-nom tal-Gvern.
//= $special ?>