Lokali

Appell biex tieqaf il-Gwerra f’Gaza u fil-Libanu

Kienu dawn id-dikjarazzjonijiet li għamlu bosta parteċipanti ta’ vgili ta’ solidarjetà quddiem l-Ambaxxata tal-Istati Uniti mmexxija mill-Moviment Graffitti bil-għajta sabiex l-Istati Uniti tieqaf toffri munizzjoni u armamenti lill-Iżrael.

Fid-diskorsi ta’ bosta kelliema s-sentiment kien wieħed; sabiex tieqaf il-gwerra f’Gaza u anke fil-Libanu.

Kienu bosta li kellhom numru ta’ kartelluni f’idejhom filwaqt li wħud għażlu li jċappsu jdejhom bil-kulur aħmar – simbolu tad-demm li qed jixxerred fil-gwerra.

Intant, f’din il-vgili ġie żvelat li 16-il għaqda iffirmat ittra li se tkun qed tintbagħat lillPresident tal-Istati Uniti Joe Biden u anke l-President-elett Donald Trump.

L-ittra tiddikjara l-inkwiet li s-16-il għaqda għandha rigward l-eskalazzjoni esaġerata fil-Mediterran. Dan hekk kif is-sitwazzjoni f’Gaza u fil-Libanu hija waħda katastrofika.

Huma appellaw sabiex l-Istati Uniti tieqaf tiffinanzja lill-Iżrael, dan għaliex il-poplu Palestinjan b’mod speċjali t-tfal, qed jinqatlu dejjem kuljum.

F’din il-vgili wasslu d-diskorsi tagħhom Reuben Grima mill-għaqda Ġustizzja għall-Palestina, Amyu Abela minn Moviment Graffitti, Sammy Meilaq minn Front Maltin Inqumu, Joanna Jebaili mil-Lebanese Advocates flimkien ma’ Dannia al-Haddad mill-Ġustizzja għall-Palestina.