Għall-Partit Nazzjonalista s-saħħa tal-Maltin mhix slogan. Għall-Partit Nazzjonalista l-pazjent dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox. Hu għalhekk li kontinwament joħroġ b’miżuri importanti li jeħtieġ li jittieħdu biex il-pazjent jinqeda aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jestendi s-servizz tal-Ambulatory Chemotherapy – li huwa servizz ta’ kimoterapija fil-kumdità tad-dar – għal kull tip ta’ kanċer fejn hu possibbli. Jekk jitwessa’ dan is-servizz, ikun ifisser li pazjenti tal-kanċer ma jkollhomx għalfejn imorru l-isptar għall-kura. Għall-pazjenti, dan ikun ifisser li jesponu lilhom infushom inqas għall-possibbiltà ta’ infezzjonijiet li jistgħu jiġu f’kuntatt magħhom, ma jaħlux ħin fit-traffiku u jkollhom inqas skariġġ, kif ukoll tonqos il-pressjoni fuq l-isptar tal-onkoloġija.
Jekk il-Gvern irid jitwemmen li jrid pajjiż ta’ kwalità, jeħtieġ jieħu aktar deċiżjonijiet biex lil dawk l-aktar vulnerabbli ntaffulhom il-piżijiet, u lill-pazjenti tagħna nagħtuhom is-servizzi li jixirqulhom mingħajr ma jkollhom joqogħdu jittallbu.
Il-Partit Nazzjonalista kien ilu żmien twil jinsisti mal-Gvern li l-mediċina tal-kanċer għandha tkun disponibbli u pprovduta mill-Gvern. F’konferenza tal-aħbarijiet sena ilu l-PN appella biex il-pazjenti tal-kanċer ma jibqgħux jiġu umiljati billi jkollhom jittallbu għal din il-mediċina mingħand il-Malta Community Chest Fund (MCCF), imma jibdew jinqdew mis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna. U fid-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-Budget 2025, il-Kap tal-PN Bernard Grech ukoll reġa’ tkellem dwar dan.
Issa, ftit wara dan id-diskors, sa fl-aħħar il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li għaddejjin diskussjonijiet biex il-Gvern jieħu f’idejh ir-responsabbilità tal-finanzjament tal-mediċini għall-pazjenti tal-kanċer mingħand l-MCCF.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem saħaq li l-pazjent għandu jiġi l-ewwel. Kien għalhekk li ma kienx aċċettabbli għalih li pazjenti tal-kanċer ikollhom jittallbu għall-mediċina tal-kanċer. Meta l-mediċini jinxtraw minn entità waħda, il-prezzijiet ikunu aktar vantaġġjużi, u meta jkun l-stess servizz tas-saħħa li jipprovdi dawn il-mediċini, suppost ikun hemm inqas burokrazija fil-proċess.
Waqt li jinnota b’sodisfazzjon li l-Gvern sa fl-aħħar se jkun qed jadotta l-proposta li ilu jagħmel is-snin, il-PN jappella biex għal darba oħra l-Gvern ma jdumx is-snin, kif għamel f’dan il-każ, biex jaddotta miżuri li tressaq l-Oppożizzjoni.
//= $special ?>