Il-Ministru JoEtienne Abela hu skomdu joħroġ għonqu għal sħabu fil-Kabinett, il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri, b’rabta mar-Rapport tal-Kummissarju tal-Istandards li kkundanna ż-żewġ promotions li ngħatat il-mara ta’ Bartolo – b’paga ta’ eluf li tiżboq saħansitra dik ta’ Prim Ministru.
Waqt dibattitu max-Shadow Minister Adrian Delia fuq l-RTK, Andrew Azzopardi staqsa lill-Ministru Abela jikkundannax lil Bartolo u Camilleri… b’Abela, skomdu ma jaqbiżx għal sħabu – minflok jgħid li qara u xtarr ir-rapport u li għandu fiduċja fil-Kummissarju u ħeġġu jagħmel li għandu jagħmel.
Sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista żvelaw ma’ Net News li Robert Abela għandu qasma fil-Grupp Parlamentari b’uħud jimbuttaw għat-tkeċċija ta’ Clayton Bartolo minħabba l-biża’ ta’ emoraġija ta’ aktar voti – iżda għal xi raġuni l-Mexxej tal-Labour ma jridx jimxi bl-istess kejl li mexa mal-Eks Ministru Justyne Caruana.
Lura għas-suġġett tas-saħħa, JoEtienne Abela żvela li sal-lum, minkejja das-snin kollha l-magni mwiegħda għar-riċerka kontra l-kanċer – dawk tas-Cyclotron għadhom mhux qed jiffunzjonaw.
Dan minkejja li fix-xhur li għaddew kemm il-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, illum fit-tmun ta’ Transport Malta, taw x’jifhmu li dan il-proġett issa huwa lest.
Intant, f’ammissjoni tiegħu stess il-Ministru tas-Saħħa saħaq li jaf li hemm in-nuqqasijiet fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, konxji bl-issues li hemm u qed jipprovaw jirranġawhom.
Finalment, ix-Shadow Minister Adrian Delia insista dwar il-bżonn li l-ħdax-il sena mitlufa taħt Vitals u Steward għadna qed insofruhom sal-lum.
Delia fakkar ukoll li sal-lum il-Gvern tal-Labour għadu ma kwantifikax kemm qed jitlob għad-danni fil-Qrati Amerikani hekk kif il-claim biex jinġiebu flus il-poplu lura s’issa għadha ma saritx.
//= $special ?>