Fl-aħħar ħin il-Ministeru tad-difiża tar-Russja ħabbar li l-forzi Russi ħakmu żewġt irħula oħra fir-reġjun ta’ Donetsk .. fil-Lvant tal-Ukrajna.
Il-Kap-kmandant tal-qawwiet Ukreni ammetta li s-sitwazzjoni għat-truppi tiegħu fuq il-front tal-gwerra qalbet għall-agħar quddiem sensiela ta’ attakki mill-qawwiet tar-Russja fir-reġjun ta’ Donetsk, fejn il-bliet ewlenin ta’ Pokrovsk u Kurakhove għadhom fil-miri ta’ Moska.
Il-qawwiet Russi irnexxilhom jaħtfu ċ-ċentru strateġiku tat-toroq u l-ferroviji fil-belt ta’ Pokrivsk. It-truppi Russi qed jippruvaw ukoll ikissru d-difiżi Ukreni madwar Kurakhove, belt industrijali li tinsab f’ impjant ewlieni tal-enerġija li jaħdem bil-faħam.
Madankollu, is-sitwazzjoni kapaċi tinqaleb ladarba l-Ukreni, ‘il quddiem, jirċievu aktar munizzjon u armamenti moderni biex jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom –grazzi għall-impenji tal-Istati Uniti.
Filfatt, f’intervista li kellu l-Ġimgħa, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li jinsab ottimist li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ser jgħin biex il-gwerra fl-Ukrajna tispiċċa aktar kmieni milli previst.
Zelenskyy qal li Trump diġà wiegħed lill-votanti Amerikani li se jaħdem biex tispiċċa l-gwerra fl-Ukrajna u jekk se jimxi mal-politiki tiegħu, x’aktarx se jilħaq dan l-għan.
Hu kkonferma li kellu telefonata “kostruttiva” ma’ Trump wara li ġie elett bħala s-47 president Amerikan u li minn din it-telefonata, ħareġ li l-pożizzjoni ta’ Trump ma kinitx tmur kontra x-xewqa tal-Gvern Ukren. Dan filwaqt li Zelensky ħabbar li ser jintaqa’ ma Trump fil-jiem li ġejjin.
Intant, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz qal f’intervista separata li Trump kellu pożizzjoni b’saħħitha dwar l-Ukrajna u ma kienx se jilħaq ftehim mar-Russja li jkun ta’ detriment għall-Ukrajna.
//= $special ?>