Lokali

L-EPP jagħżel lill-PN sabiex jospita l-Assemblea Politika tiegħu

L-Assemblea Politika se ssir fid-Dar Ċentrali fil-21 u 22 ta' Novembru

Il-Partit Popolari Ewropew – l-akbar Partit fil-Parlament Ewropew, għażel lill-Partit Nazzjonalista sabiex jospita l-Assemblea Politika tiegħu.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, flimkien mas-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.

Ġie spjegat l-impenn tal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħu sehem u jaħdem f’diskussjonijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw lill-Ewropa imma anke lill-pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinio spjega li huma diversi l-mexxeja ta’ pajjiżi Ewropej bis-sehem ta’ anke l-Prim Ministru tal-Marokk li se jkunu qed jattendu għal din l-assemblea fid-Dar Ċentrali.

Fejn spjega li bħal ħafna, l-EPP jemmen li pajjiżna għandu futur sabiħ u għalhekk wera l-fiduċja fil-PN li jista’ jġib il-bidla li tant jeħtieġ pajjiżna.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea spjega li kien proprju l-Partit Nazzjonalista li ħadem sabiex f’din l-assemblea jiġu diskussi temi li huma realtà kemm tal-Ewropej imma anke tal-poplu Malti u Għawdxi fosthom l-għoli tal-ħajja u l-Mediterran.

L-Assemblea politika, li se ssir fil-21 u 22 ta’ Novembru fid-Dar Ċentrali tal-PN, hija fost l-ogħla laqgħat tal-akbar partit fl-Ewropa, il-Partit Popolari Ewropew.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jospita lil numru ta’ mexxejja Ewropej li huma parti mill-EPP, bis-sehem ukoll ta’ mexxejja mil-Lebanon u l-Marokk.

Preżenti għal din l-assemblea ħa jkun hemm ukoll il-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Webber flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.