Lokali

“Fil-protesta ta’ għada l-poplu se juri lill-Prim Ministru li ma jistax jibqa’ jagħmel li jrid”

Robert Abela se jibqa’ jwebbes rasu u jinjora r-rabja tal-poplu, ma tgħallem xejn mill-każ ta’ Jean Paul Sofia

Il-poplu Malti għada t-Tnejn huwa msejjaħ għal protesta quddiem il-Parlament sabiex juri lill-Prim Ministru li ma jistax jibqa’ jagħmel li jrid.  Il-Maltin u l-Għawdxin huma rrabjati mhux biss għax il-mara tal-Ministru tħallset €70,000 fis-sena imma għax ir-riga applikata għalihom ma tintużax għan-nies fil-Gvern li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. 

Illum għandna Gvern li tilef kull diċenza għax il-Prim Ministru huwa dgħajjef wisq biex jieħu l-passi meħtieġa. Minflok, Robert Abela se jibqa’ jwebbes rasu u se jibqa’ jinjora r-rabja tal-poplu. Dan jixhed kif il-Prim Ministru ma tgħallem xejn meta injora r-rabja tal-poplu wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia. 

Fil-protesta ta’ għada, li se tkun qed issir fil-ħin li l-Ministru Clayton Bartolo se jkun qed jitkellem fil-Parlament dwar l-Estimi tal-Ministeru għat-Turiżmu, il-poplu Malti se jkun qed jagħti messaġġ ċar lill-Prim Ministru li s-sagrifiċċji li għamlu wliedna biex ikomplu jistudjaw ma jistgħux jintremew għax il-Ministru Bartolo deherlu li ċ-ċertifikati mhumiex importanti.

Waqt intervista fuq NET TV u NET FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech spejga li, għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista se jassigura li s-sagrifiċċji li jagħmlu l-istudenti se jissarrfu f’opportunitajiet fejn int tirnexxi għax tistinka. Taħt Gvern Nazzjonalista ħadd mhu se jieħu x-xogħol ta’ ħadd jekk ma jkunx kompetenti għax il-Partit Nazzjonalista verament jemmen fil-meritokrazija. 

Fi tmiem ġimgħa kkaratterizzata minn traffiku qawwi madwar Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern f’dan is-settur. Bernard Grech sostna fuq l-importanza ta’ konferenzi internazzjonali bħal dik tas-SiGMA li jpoġġu lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tas-settur tal-Gaming – settur li ġab f’Malta Gvern Nazzjonalista. Madankollu, Bernard Grech spjega kif din il-konferenza kixfet in-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern fil-qasam tat-traffiku. Huwa qal li hija ħasra li din il-konferenza s-sena d-dieħla se ssir f’pajjiż ieħor u għaldaqstant pajjiżna tilef investiment barrani minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern.  

Ġimgħa wara l-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Malta Żagħżugħa, il-Kap tal-PN spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta Żagħżugħa – Malta mimlija enerġija li twettaq il-ħolm tagħha; Malta entużjasta għal futur aħjar. 

Huwa faħħar is-sehem tal-kelliema żgħażagħ li jixhdu partit li qed jiġġedded u l-kelliema li indirizzaw is-sessjoni tal-Ħadd li, minkejja li mhumiex parti mill-Partit, resqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax jemmnu fir-rieda politika tiegħu li jwettaq il-ġid.