Internazzjonali

Il-gwerra fil-Libanu: Talbiet biex l-Iran juża l-influwenza tiegħu mal-Ħeżbollah ħalli tonqos l-intensità tal-konflitt

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-Libanu kkonferma li mietu aktar minn 3,600 fl-attakki li l-qawwiet Iżraeljani ilhom imexxu fuq dan il-pajjiż għal din l-aħħar sena. L-imwiet komplew jiżdiedu sew waqt il-kampanja militari attwali li l-Iżraeljani qed imexxu fuq il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah li, min-naħa tagħhom, qed jibbumbardjaw lill-komunitajiet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntera.

Iċ-ċifri – li ilhom jinżammu minn Ottubru tal-2023 – jinkludu anki madwar 15,000 midruba, bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani qed ikompu jikkonċentraw fuq il-faċilitajiet militari tal-Ħeżbollah f’Bejrut u l-madwar – inħawi fejn l-imwiet taċ-ċivili huma, ftit jew wisq, inevitabbli.

Il-konflitt qed jeskala minn ġimgħa għall-oħra u meta qed tkompli wkoll il-gwerra tal-Iżraeljani mat-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza. Dan ukoll meta t-truppi Iżraeljani ilhom mill-Ewwel ta’ Ottubru għaddejjin b’invażjoni fl-artijiet Lebaniżi lejn in-Nofsinar.

Intant, l-attakki tal-Iżraeljani fil-Libanu wasslu għall-eżodu ta’ aktar minn miljun ruħ li huma kostretti li jgħixu bħal refuġjati f’xenarji katastrofiċi.

Is-sitwazzjoni għal-Lebaniżi saret tassew iddisprata, tant li Najib Mikati, il-Prim Ministru proviżorju tal-Libanu, talab lill-Iran biex jgħin lejn ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn il-Ħeżbollah u Iżrael. Dan meta l-Iranjani ilhom ix-xhur jipprovdu l-fondi u l-armamenti lill-Ħeżbollah u meta d-direttivi ta’ Tehran dejjem influwenzaw lit-tmexxija tal-milizji Lebaniżi.

Mifhum li Mikati jrid li l-Iran juża l-influwenza tiegħu biex jipperswadi lill-Ħeżbollah ħalli jirtira mill-fruntiera tal-Libanu li qed tmiss ma’ Iżrael – u minn fejn il-milizji qed jisparaw il-missili lejn l-ibliet Iżraeljani.

Il-Ħeżbollah, fil-fatt, ilu jispara r-rokits lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael mill-għada li t-terroristi tal-Ħamas wettqu l-attakki storiċi fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru tal-20213. Azzjonijiet li wasslu għall-assedju preżenti tal-qawwiet Iżraeljani fuq Gaza.