Dalgħodu saret l-attività nazzjonali ‘Mixja mal-President’, bil-parteċipanti jimxu mill-Palazz ta’ Sant’Anton sal-Palazz tal-President, fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
Mal-wasla saru għadd ta’ diskors minn persuni distinti, fosthom mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono fejn qalet li l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi se tibqa’ bżonnjuża hekk kif il-mard fil-familji jġib ħafna problemi; problemi finanzjarji, psikoloġiċi, u oħrajn.
Kien hawnhekk fejn appellat biex l-għaqda li ntweriet illum tibqa’ tintwera ma’ kull jum li jgħaddi.
Preżenti wkoll matul il-mixja u anke fi Pjazza San Ġorġ kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, flimkien ma’ martu AnneMarie, fejn qal kif din l-attività turi kemm il-poplu Malti u Għawdxi għandhom qalbhom tajba quddiem dawk l-iktar fil-bżonn.
Bernard Grech appella lill-Gvern dwar l-għajnuna tant meħtieġa u mhux isserrah biss fuq il-MCCF sabiex tgħin lil pazjenti għal bżonnijiet l-iktar kbar f’ħajjithom. Huwa qal li l-poplu jeħtieġ tkompli tingħaqqad sabiex il-benefiċċji u l-għajnuniet jaslu għand kulħadd.
“Aħna lkoll aħwa Maltin – ejjew nuru mħabba lejn dawk l-iktar fil-bżonn” – Bernard Grech
Indirizza wkoll dawk preżenti l-Prim Ministru, Robert Abela fejn qal li grazzi għall-Malta Community Chest Fund dawk il-pazjenti jistgħu jieħdu ħsieb saħħithom bla ebda inkwiet ta’ fondi sabiex il-kura taslilhom. Huwa fakkar kif il-poplu Malti dejjem kien wara dawk l-iktar fil-bżonn u appella biex din l-għaqda tibqa’ fost il-Maltin.
Mal-wasla fil-Belt, fi Pjazza San Ġorġ kien hemm varjetà ta’ attivitajiet għall-familja kollha, b’logħob għat-tfal, ikel u xorb kif ukoll divertiment u mużika.
//= $special ?>