Lokali

Jittella’ Festival tas-Sajd f’Portomaso b’risq Puttinu Cares

Matul il-jum tal-Ħadd saru kompetizzjonijiet tas-sajd ġewwa Portomaso fejn matulha nġabru ‘l fuq minn €10,000 b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares.

Għall-ewwel sezzjoni tal-kompetizzjoni kien hemm 38 parteċipant fejn is-sajjieda waddbu x-xlief fil-baħar biex jaqbdu l-ħut. L-ewwel parti tas-sajda waqqfet fil-ħdax ta’ filgħodu biex it-tieni sezzjoni saret fis-1 ta’ waranofsinhar u ġiet fi tmiemha fil-5 ta’ filgħaxija.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet ikunu skont dawk li kellhom l-akbar ammont ta’ piż. Bil-ħut li nqabdu tpoġġew f’barrada sabiex jinżammu ħajjin sa tmiem il-kompetizzjonijiet u imbagħad intefgħu lura fid-dinja tagħhom.

Mal-jum kien hemm ukoll sezzjoni dedikata għat-tfal fejn dawn kellhom l-opportunità li wkoll jaqbdu l-ħut.

Din l-attività ttellgħet minn Mister Fish flimkien ma’ Portomaso Marina fejn il-flus li nġabru mill-parteċipanti marru għall-Fondazzjoni li jgħinu lil tfal f’pajjiżna li għaddejjin mill-marda kiefra tal-kanċer.

Il-maratona annwali ta’ Puttinu ġabret ‘il fuq minn €3 miljuni f’Marzu li għadda, li kollha jmorru għall-familji li qed ifittxu trattament nazzjonali jew internazzjonali għall-bżonnijiet mediċi ta’ wliedhom.