Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqu offensiva ta’ intensità rari fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna. Dan bil-ħsieb li huma jċaħħdu lill-poplu Ukren mill-provvista tad-dawl u l-mezzi biex isaħħnu d-djar matul dawn ix-xhur ta’ xitwa kefrija.
L-attakki bdew tard fil-lejl tas-Sibt u komplew sas-sigħat bikrin tal-Ħadd, bil-qawwiet Russi jimmiraw għal diversi zoni fl-Ukrajna. Dan waqt li l-President Ukren Volodymyr Zelensky, waqt xandira lin-nazzjon ikkonferma li r-Russi sparaw aktar minn 120 missila u ‘l fuq minn 100 drone lejn il-faċilitajiet fir-reġjuni kollha tal-Ukrajna.
L-attakki kienu preċiżi u koordinati u l-awtoritajiet Ukreni għadhom qed jevalwaw l-impatt tal-missili għal dawn is-siti sensittivi.
Kelliema għall-akbar kumpannija li tipprovdi l-mezzi tal-enerġija fl-Ukrajna qalu, sadanittant, li l-azzjonijiet mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin ikkaġunaw ħsarat ‘sinifikanti’ fl-impjanti li jipproduċu t-thermal energy.
Dan waqt li tħabbru l-blackouts ta’ emerġenza f’tal-anqas tliet reġjuni li sfaw mira għall-missili u d-drones tar-Russja.
Sar magħruf, wara, li l-missili u d-drones laqtu diversi nħawi u faċilitajiet fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, kif ukoll fir-reġjuni ta’ Dnipropetrovsk, Donetsk, Lviv u Odesa.
L-awtoritjiet anki kkonfermaw tal-anqas għaxra maqtula b’kaġun tal-attakki minbarra ħafna ċittadini feruti – inklużi tfal.
Il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna, Kira Rudik, qalet li l-attakki inkwistjoni kienu ‘terribbli’ u li eluf kbar ta’ Ukreni kienu kostretti jqattgħu l-lejl kollu fix-xelters, f’diversi bliet u reġjuni.
Fi Kiev, ir-residenti kellhom ifittxu l-kenn fl-istazzjonijiet tal-ferrovija taħt l-art, fost rapporti li mietu xi ħaddiema mas-servizzi tal-ferrovija waqt l-attakki tar-Russi fuq is-sistemi u d-depots tat-trasport pubbliku f’Dnipropetrovsk.
Ir-rapporti dwar il-vittmi komplew joħorġu, sadanittant, minn Lviv u l-belt ta’ Mykolaiv, – bil-missili jolqtu l-infrastruttura kritika fir-reġjuni ta’ Vinnytsia u Volyn. Instemgħu anki l-isplużjonijiet fl-ibliet ta’ Kropyvnytskyi, Rivne, Ivano-Frankivsk, Cherkasy, Kryvyi Rih u Zaporizhzhia.
Ir-residenti fir-reġjun ta’ Odesa ntlaqtu partikularment ħażin mill-bumbardamenti, tant li fl-aħħar sigħat kienu mingħajr enerġija u ilma kaġun tal-missili li laqtu l-faċilitajiet għall-pubbliku. Qabel morna għall-istampa kien hemm indikazzjonijiet li l-provvista tal-ilma kienet qed tkun irrestawrata bil-mod il-mod – u bin-nies jinġemgħu wara xulxin biex jieħdu l-ilma għall-ħteġiet bażiċi ta’ kuljum.
Fl-aħħar sigħat, kelliema għall-Gvern Ukren qalu li l-azzjonijiet fuq l-infrastruttura tal-enerġija huma kollha parti minn strateġija magħrufa tar-Russja qabel tidħol sew ix-xitwa fl-Ukrajna.
Id-deputat Ukren Maria Mezentseva, li tmexxi lid-delegazzjoni Ukrena għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, qalet li t-tattiċi militari tar-Russi issa huma familjari u li m’hemmx dubju li l-President Putin u sħabu fil-Kremlin beħsiebhom ikomplu bl-offensiva fuq l-irġiel, nisa u tfal li ma jistgħu qatt jitqiesu bħala miri militari leġittimi.
Dan ukoll meta l-Gvern Ukren qed jirreferi għall-isparaturi tal-missili u d-drones lejn il-faċilitajiet tal-enerġija bħala attakk ieħor fuq poplu li jinkludi element ta’ ġenoċidju – u meta, fl-istess ħin, mhuma jingħataw l-ebda twissijiet minn qabel.
//= $special ?>