Il-Papa Franġisku jrid investigazzjoni dwar jekk l-attakki kontinwi tal-militar Iżraeljan fuq Gaza jammontawx għal ġenoċidju. Is-sejħa saret magħrufa permezz ta’ siltiet – ippubblikati fil-gazzetta La Stampa – minn ktieb ġdid li qed joħroġ qabel is-Sena tal-Ġublew tal-Papa, fl-2025.
Din hi l-ewwel darba li l-Papa ħeġġeġ bil-miftuħ għal investigazzjoni dwar ġenoċidju potenzjali relatat mal-gwerra li l-qawwiet ta’ Iżrael qed imexxu kontra t-terroristi tal-grupp fil-Medda ta’ Gaza. Fil-fatt, il-Kap tal-Kattoliċi qal li l-attakki f’Gaza u l-Libanu huma ‘immorali’ u ‘sproporzjonali’ waqt li kkritika lis-suldati Iżraeljani b’li ‘qed imorru ‘l hinn mir-regoli tal-gwerra’.
Is-silta tal-ktieb partikulari tgħid li ‘skont xi esperti, dak li qed iseħħ f’Gaza bħalissa għandu l-karatteristiċi ta’ġenoċidju. Hu importanti li ssir investigazzjoni bir-reqqa li tiddetermina jekk l-azzjonijiet ħaqqhomx id-defnizzjoni teknika skont ma jinterpretawha l-Imħallfin u l-organizzazzjonijiet internazzjonali’.
Il-ktieb tal-awtur Hernán Reyes Alcaide jibbaża fuq intervisti mal-Papa u ngħata t-titlu “Hope never disappoints. Pilgrims towards a better world (Min Jittama ma Jiddiżappuntax ruħu Qatt: Devoti magħqudin għal Dinja Aħjar).
Intant, il-ktieb se joħroġ għall-konsum tal-pubbliku proprju nhar it-Tlieta u meta huwa parti mill-avvenimenti li qed jiċċelebraw il-Ġublew tal-Papa… ġublew li mistenni jattira ‘l fuq minn 30 miljun devot lejn Ruma biex jiċċelebraw is-Sena Mqaddsa.
//= $special ?>