Internazzjonali

Rabja għal Elon Musk… mitlub biex ma jindaħalx fl-affarijiet domestiċi tat-Taljani

L-imprenditur biljunarju Elon Musk – sieħeb u kollaboratur kbir tal-President-elett Amerikan Donald Trump – qed jiffaċċja akkużi dwar ‘indħil fl-affarijiet domestiċi tal-Italja’.

Dan waqt li l-President Taljan Sergio Mattarella ħareġ messaġġ ċar u mhux tas-soltu fil-konfront ta’ Musk fejn qallu biex ma jindaħalx fl-affarijiet ta’ pajjiżu. Mattarella enfasizza l-ħtieġa li l-biljunarju jirrispetta s-sovranità ta’ pajjiż alleat – f’dan il-każ l-Italja – u ma jipprovax jimponi lilu nnifsu fuq it-Tmexxija tal-pajjiż partikulari…’pajjiż demokratiku li jaf kif jieħu ħsieb tiegħu innifsu.’

Elon Musk, il-proprjetarju ta’ Tesla u SpaceX fost oħrajn, intgħażel minn Donald Trump biex imexxi Dipartiment ġdid inkarigat mill-Effiċjenza tal-Gvern f’Washington.

Intant, il-midja Taljana qed tagħti prominenza kbira lill-attakk ta’ Musk fuq il-maġistrati ta’ Ruma u fi żmien ta’ tensjoni kbira bejn il-koalizzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni, u l-Ġudikatura Taljana. Dan wara li l-maġistrati kkuntestaw il-legalità tal-inizjattiva tal-Gvern Taljan biex il-persuni li qed ifittxu l-kenn politiku fil-pajjiż jinżammu l-Albanija ‘akkost ta’ kollox’.

It-Taljani huma partikularment urtati għad-dikjarazzjoni kontroversjali ta’ Musk dwar ‘il-ħtieġa li jitkeċċew il-maġistrati (Taljani)’. Intant, hu minnu li Elon Musk ilu jkattar ir-rabtiet mill-qrib ma’ Giorgia Meloni mindu hi, sentejn ilu, kienet eletta Prim Ministru bil-wiegħda li tieħu l-passi drastiċi u determinanti fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali illegali – wiegħda li għadha sal-lum mhix mitmuma.