Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal fattiga li seraq minn kumpanija fejn kien jaħdem

Fattiga ta’ 32 sena minn Nepal ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li ammetta li seraq €1,614.93 mill-uffiċini ta’ kumpanija li magħha mqabbad biex jaħdem xogħol ta’ tindif. Ir-reat seħħ bejn l-24 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Novembru.

Man Bahadur Ghale residenti Santa Venera, wieġeb ħati għal numru ta’ serqiet li huwa wettaq f’ammonti żgħar ta’ flus fuq perjodu ta’ żmien qabel ma fl-aħħar inqabad. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif ir-raġel kien qed jaħdem għal kumpanija tat-tindif u ġie assenjat lill-kumpanija Polidano Group meta beda jisraq ammonti minimi ta’ flus mill-uffiċini tagħhom fis-Siġġiewi.

L-Avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant infurmat lill-Qorti li r-raġel diġà ħallas lura parti mill-flus, u spjegat li min iħaddmu kien qed iżommlu l-paga biex jirrifondi l-ammonti misruqa. L-ispettur tal-Pulizija Andrew Agius Bonello qal lill-Qorti li l-pulizija kienet sabet €200 fir-residenza tiegħu u li dawn ingħataw lura lill-kumpanija mill-ewwel.

Waqt li kienet qed tindirizza lill-ħati, il-qorti qaltlu: “Iebsa kemm hi iebsa ħajjtek, tagħmilhiex agħar għalik innifsek.” Il-Qorti ħeġġitu biex ifittex l-għajnuna u wissietu li jekk iwettaq reat ieħor waqt li s-sentenza sospiża, is-sena ħabs tidħol fis-seħħ.

Għale skuża ruħu mal-Qorti u r-raġel ingħata sentenza ta’ sena sospiża għal 18-il xahar. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukat tal-AĠ Martina Calleja u l-ispettur Andrew Agius Bonello filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant dehret għall-akkużat.