Lokali

Stħarriġ ieħor juri li l-Partit Nazzjonalista għandu appoġġ ikbar mil-Labour

Stħarriġ ieħor li sar mill-MaltaToday juri li l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista għadha b’saħħitha; iktar minn dik fil-Partit Laburista.

L-appoġġ li l-Partit Nazzjonalista qed igawdi minnu skont dan l-istħarriġ hu dak ta’ 2,600 vot aktar mil-Labour. Dan meta l-Partit Nazzjonalista qed igawdi minn 46.3% fl-appoġġ popolari tal-votanti, filwaqt li l-Partit Laburista jinsab fil-livell ta’ 45.3%. B’madwar 30% ta’ dawk li wieġbu qalu li mhux lesti joħorġu jivvutaw.

Dan filwaqt li 8% tal-votanti qalu li se jkunu qed jivvutaw lil partiti oħra.

Dawk iżgħar fl-età għandhom tendenza akbar li ma jagħżlu l-ebda partit u ma joħorġux jivvutaw; b’dan il-persentaġġ jonqos iktar ma tiżdied l-età.

L-inqas li jgħidu li se jivvutaw huma dawk residenti fix-Xlokk u n-Nofsinhar ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-akbar appoġġ fost dawk ta’ bejn is-16 u l-35 sena, u s-36 u l-50 sena. B’appoġġ kbir ukoll fost in-nisa u persuni li għandhom mill-inqas edukazzjoni lil hinn mis-sekondarja.

L-istħarriġ juri li l-Partit Nazzjonalista qed jirbaħ il-fiduċja f’erba’ reġjuni minn sitta f’pajjiżna.

L-istess survey tal-MaltaToday juri li it-tmexxija tal-Gvern ta’ Robert Abela ingħatat punteġġ ta’ 2.7 minn 5 …bl-akbar fiduċja tintwera fost dawk li għandhom 65 sena jew iktar.

Dan l-istħarriġ sar ftit ġimgħat biss wara li tħabbar Budget ieħor li ma ppreżenta l-ebda pjan ekonomiku fit-tul u ebda soluzzjonijiet konkreti. U għalkemm il-Gvern faqa’ l-PBS, il-media soċjali, ir-radjijiet u t-toroq bil-billboards u r-reklami…din il-propaganda kollha jidher li ftit li xejn ħalliet effett, għaliex il-PN għadu qed igawdi vantaġġ fuq il-Labour.