Lokali

“Ċanfira mill-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Laburista dwar nuqqas ta’ azzjoni klimatika hekk kif l-UE toħroġ twissija kontra Malta” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista se jipprovdi l-impenn meħtieġ għall-politika tagħna dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded

Il-Partit Nazzjonalista esprima tħassib serju dwar in-nuqqas tal-Gvern Malti li jħares l-obbligi kruċjali tiegħu fil-qasam tal-klima fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan it-tħassib ġie sostnut mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li toħroġ Ittra ta’ Intimazzjoni lil Malta, li ċċanfar lill-Gvern talli naqas milli jissottometti l-pjanijiet nazzjonali finali aġġornati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni għall-Klima.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Eve Borg Bonello u Ryan Callus, qalu li l-ksur (INFR(2024)2259) u t-twissija sussegwenti, jindikaw li l-Kummissjoni tqis dan bħala ksur tal-liġi tal-UE. Għalkemm il-Kummissjoni tat żmien ta’ xahrejn biex dan jiġi rettifikat, nuqqas ta’ tweġiba tista’ jwassal għal azzjoni legali u multi finanzjarji li jkollhom jiġu mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti.

Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) huma għodda essenzjali għall-Istati Membri tal-UE biex jiddeskrivu strateġiji ċari sabiex jilħqu l-miri tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iż-żieda tal-enerġija li tiġġedded, u t-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija sal-2030.

Is-sottomissjoni ta’ dawn il-pjanijiet hija indispensabbli għall-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa l-progress kollettiv lejn dawn il-miri, kif ukoll meħtieġa taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament imsemmi. Madankollu, minkejja diskussjonijiet estensivi u rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-Gvern għadu ma ssottomettiex dawn il-pjanijiet, b’nuqqas ċar li jħares dan l-obbligu.

Ix-Shadow Ministers Eve Borg Bonello u Ryan Callus qalu li n-nuqqas tal-Gvern Laburista li jissottometti l-NECPs finali aġġornati juri għal darba oħra falliment sħiħ fl-azzjoni klimatika. Dan in-nuqqas mhux biss itappan il-kredibbiltà ta’ Malta imma wkoll ipoġġi fil-periklu l-kapaċità tagħna li nilħqu l-miri Ewropej rekwiżiti mil-liġi.

Barra minn hekk, wara l-proposti dgħajfa dwar l-Azzjoni Klimatika ppreżentati fil-Baġit tal-2025, din l-Ittra ta’ Intimazzjoni tenfasizza aktar in-nuqqas ta’ ambizzjoni tal-Gvern fil-politika dwar l-enerġija rinnovabbli u l-klima, fejn il-miri attwali ta’ Malta diġà ġew ikklassifikati bħala insuffiċjenti mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jisħaq li hu impenjat li jixpruna politika klimatika u dik tal-enerġija rinnovabbli li tkun waħda b’saħħitha, trasparenti u ambizzjuża. Huwa obbligu tal-Istat li jħares d-dmirijiet tiegħu skont il-liġi tal-UE u jiżgura futur sostenibbli għan-nazzjon permezz ta’ politika robusta.

Id-deputati Nazzjonalisti sostnew li din il-kwistjoni tmur lil hinn minn sempliċi rekwiżiti regolatorji; hija dwar il-protezzjoni tal-futur tagħna sabiex ikun wieħed reżiljenti għat-tibdil klimatiku.