Lokali

Clayton Bartolo jibqa’ jaħrab – Abela jkompli jiddefendi lill-Ministri

Il-Minsitru Clayton Bartolo ma jridx jirriżenja.

Minkejja l-kundanna tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika… u minkejja li dik li l-illum hi l-mara tiegħu, Amanda Muscat, ingħatat żewġ promotions bħala konsulenta għal paga ta’ €70,000 fis-sena mingħajr ma qatt għamlet xogħol ta’ konsulenza.

Iżda minflok, baqgħet taħdem bħala Assistenta Personali miegħu.

It-Tnejn filgħaxija l-Ministru Bartolo ttanta jiżgiċċa mill-ġurnalisti. Madanakollu xorta waħda nqabad ħiereġ mill-ġenb tal-Parlament… għalkemm baqa’ jinsisti li jaħrab, u ma jweġibx.

Aktar qabel Net News għamel sensiela ta’ domandi lill-Prim Ministru Robert Abela fejn staqsejnieh min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà ta’ dawn il-promotions u sparpaljar minn flus il-poplu minkejja li kienu jafu li Muscat kienet qed tagħmel xogħol ta’ PA u taqla’ paga ta’ konsulenta… b’Abela jgħidilna nistennew.

Dan filwaqt li nfexx jattakka b’mod partiġjan biex jipprova jiddevja mill-kriżi li għandu fi ħdan il-Grupp Parlamentari tiegħu.

Net News staqsa għalfejn il-Gvern ta’ Abela mexa mod mal-Eks Ministru Justyne Caruana, u mal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri qed jimxi mod ieħor… bil-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li huma żewġ każi differenti.

Finalment, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour ikkonferma li għall-Ministri… apoloġija biżżejjed.