Bidla bi Gvern ġdid Nazzjonalista tagħti ġejjieni aħjar lilek u lil pajjiżna. Gvern Nazzjonalista jagħti lil pajjiżna tmexxija serja li ġġib lura n-normalità meħtieġa sabiex il-poplu jimxi ’l quddiem. Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti tama u kuraġġ għal Malta Żagħżugħa li tħares ’il quddiem.
Din il-bidla hija meħtieġa quddiem Gvern li tilef kull sens ta’ korrettezza u diċenza u Prim Ministru u żewġ Ministri li għamlu għażla konxja li jisirqu.
Fid-diskors tiegħu waqt il-protesta ‘Jibqgħu Jitħanżru. Tħallihomx,’ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar l-iktar każ riċenti fejn il-Gvern uża l-fondi pubbliċi daqslikieku kienu xi proprjetà privata ta’ xi Ministri fil-Gvern. Dan wara li s-sieħba tal-Ministru Clayton Bartolo ngħatat impjieg finta b’salarju ta’ €70,000 b’kompliċità ta’ żewġ Ministri u tal-Prim Ministru li qal li kien jaf b’dak li sar.
Bernard Grech tenna li l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri għandhom jirriżenjaw u jroddu lura s-€70,000 li nsterqu f’din ix-xibka ta’ ħabi u ingann.
Huwa fakkar li dan mhux każ iżolat u rrefera għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali li hu akkużat b’reat kriminali li rrifjuta li jirriżenja u l-Prim Ministru aċċetta li dan jibqa’ d-dar ma jagħmel xejn u jieħu l-paga xorta waħda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għad-dikjarazzjoni tal-Ministru Clayton Bartolo li qal li d-diplomas u d-degrees ma jiswew xejn. Huwa qal li dan jispjega kif dan il-Gvern tertaq qalb l-edukaturi biex jieħdu l-ħlas li jixirqilhom u tertaq qalb l-istudenti li baqgħu bla riżultati.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista jagħraf is-sagrifiċċju tal-ġenituri u jifraħ magħhom f’dawn il-jiem tal-gradwazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jifraħ ukoll lill-istudenti u jħeġġiġhom ikomplu jistudjaw u jitħarrġu.
Minkejja li hemm tant Għawdxin li qed jiggradwaw mill-istituzzjonijiet edukattivi, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħass li kellu jimpjega lis-sieħba tal-Ministru Clayton Bartolo bħala konsulenta dwar Għawdex. Dan jixhed kemm lill-Ministru għal Għawdex ma jinteressawhx l-Għawdxin imma jinteressah biss li jagħmel ‘cover up’ għall-Ministru Clayton Bartolo.
Illum, sostna Bernard Grech, għandna Prim Ministru dgħajjef li qed iwarrab il-prijoritajiet tal-poplu; Prim Ministru li mhux kapaċi jagħraf bejn dak li hu sewwa u dak li hu ħażin; Prim Ministru rikattat għax hu l-awtur u d-difensur ta’ patt imxajtan wieħed wara l-ieħor.
Bernard Grech sostna li l-Prim Ministru qed jabbuża mill-fiduċja li tah il-poplu fl-elezzjoni li għaddiet. Huwa indirizza lil dawk fil-Gvern Laburista u fil-Partit Laburista li llum mhumiex komdi b’dak li qed jiġri u appellalhom biex ma jibqgħux siekta quddiem dan il-ħażen u biex ma jħallux lil Robert Abela jtappan ir-reputazzjoni tagħhom.
Il-protesta kienet indirizzata wkoll minn Matthew Maggi, żagħżugħ li jaħdem fis-settur tal-arti u l-kultura li spjega li, minkejja li kien hemm wegħda ċara mill-Ministru Clayton Bartolo, ħafna ħaddiema fl-industrija tal-films għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu mal-Kummissjoni tal-Films li taqa’ taħt il-Ministeru tal-istess Clayton Bartolo. Huwa qal li bil-flus li ingħataw lis-sieħba tal-Ministru setgħu tħallsu numru ta’ artisti Maltin u barranin li għadhom qed jistennew il-ħlas tagħhom.
Maggi akkuża lill-Prim Ministru li huwa giddieb bħall-Ministru Clayton Bartolo għax, minkejja li qal li kellu l-kuraġġ li jisma’ lill-artisti, għadu ma sabx il-kuraġġ biex jirreaġixxi.
//= $special ?>