Sport

Gżira United Veterans jirbħu l-konfront dirett kontra Floriana

Gżira United telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League meta għelbu lil Floriana 7-4 fl-isfida diretta mill-ħames ġurnata ta’ logħob.

Din kienet l-ewwel telfa tal-Greens wara li aktar qabel kienu rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu. Huma kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 3-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, iżda fit-tieni nofs siegħa logħob, il-Maroons inbidlu mil-lejl għan-nhar u mhux talli ġabu l-iskor indaqs iżda qalbu r-riżultat favurihom.

Il-plejer Brażiljan Daniel Mariano Bueno skorja erba’ gowls, b’Pio Schiriha, Jonathan Pearson u Kevin Sammut li għaqqdu l-iskor għal Gżira.

Glenn Bonello skorja doppjetta għal Floriana filwaqt li Gilbert Scerri u Malcolm Licari niżżlu isimhom fost l-iskorers.

B’dan ir-riżultat, Gżira ngħaqdu mal-istess Floriana u MFPA fl-ewwel post tal-klassifika.

Sorpriżi minn Birkirkara St Helen’s

Iċ-champions MFPA ġew sorpriżi minn Birkirkara St Helen’s, b’dawn tal-aħħar jirbħu 4-1. Ayrton Buhagiar, Daniel Cremona, Daniel Scerri u Christian Caruana skorjaw il-gowls l-aktar importanti għall-Karkariżi b’Michael Galea jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Malta Football Players Association.

Rabat Veterans kienu superjuri għal Żejtun Red Stars tant li rebħulhom 6-0. Adam Smeir u Ibrahim Tarek skorjaw doppjetta kull wieħed b’Timothy Zammit u Joseph Caruana li komplew mal-iskor tennistiku tar-Rabtin.

Anke Żurrieq Wolves kellhom iċ-ċans li jiċċelebraw tliet punti importanti wara rebħa ta’ 3-0 kontra Hibernians. Beppe Muscat skorja doppjetta filwaqt li Bjorn Bondin ukoll sab ix-xibka.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

MFPA, Floriana, Gżira United 12; Birkirkara St Helen’s 10; Rabat 7; Żurrieq Wolves 6; Hibernians, Żejtun Red Stars 0.

KLASSIFIKA L-AQWA SKORERS – VMFA Cisk Premier League

Michael Galea (MFPA) 12 gowls; Ayrton Buhagiar (Birkirkara St Helen’s), Adam Smeir (Rabat Veterans), Glenn Bonello (Floriana) 8 gowls; Daniel Mariano Bueno (Gżira United) 7 gowls.