Lokali Parlament

Il-Gvern jinteressah biss minnu nnifsu


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal fil-Parlament li l-iskandlu tal-Ministru Clayton Bartolo u Clint Camilelri juri kemm il-gvern ma jinteressah minn xejn ħlief minnu nnifsu.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministru tat-Turiżmu, Bernard Grech qal li kieku l-pajjiż hu normali, fil-Parlament m’hemmx il-Ministru Bartolo bħala Ministru tat-Turiżmu iżda xi ħadd ieħor għaliex Prim Ministru li għandu l-awtorità morali kien ineħħih meta Bartolo baqa’ kkakkmat mas-siġġu.

Il-Ministru Bartolo jmur fil-Parlament jirrappreżenta settur li jipprovdi għajxien lil eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin meta jaf li mdendel miegħu għandu skandlu tal-mistħija ta’ serq u frodi ta’ eluf ta’ ewros tal-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech qal li l-Ministru Bartolo jaf li l-Prim Ministru la għandu l-kuraġġ u lanqas is-saħħa li jneħħih. Il-Ministru Bartolo jrid jiddeċiedi fuq l-għajxien ta’ impjegati fit-turiżmu u fuq l-investiment fis-settur meta hu iktar moħħu kif se jara li l-ħabiba tiegħu jkollha impjieg minkejja li ma kinitx kwalifikata. Dan minn fondi pubbliċi li l-ministru jaħseb li huma tiegħu. Il-Ministru Bartolo jħares b’arroganza lejn il-poplu u jibqa’ jagħmel li jrid.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Ministru Bartolo impjega lis-sieħba tiegħu iżda meta ma ħallewhx iżommha iktar fil-ministeru tiegħu wara li nqabad, ftihem mal-Ministru Clint Camilleri biex taparsi din tkun il-konsulent fuq Għawdex.

Dan għal paga ta’ €70,000 fis-sena talli ma tagħmel xejn u talli m’għandha l-ebda kwalifika biex twettaq dak li suppost kellha twettaq. L-uniku kwalifika li kellha kienet is-sieħba u aktar tard il-mara tal-Ministru Bartolo, li llum bla mistħija jgħid lill-poplu li għandu pjan meta l-pjan tiegħu hu biss li jibqa’ mwaħħal mas-siġġu tal-poter.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li għall-poplu l-iskuża mhijiex biżżejjed iżda għall-Ministru Bartolo, jista’ jiffroda lill-gvern imma skuża hi biżżejjed. Hu kompla li għall-Ministru Bartolo, il-kwalifiċi ma jfissru xejn iżda l-importanti għalihom hi li l-PL jinsab fil-gvern u jaħseb li jista’ jagħmel li jrid. Il-gvern hu miġġieled miegħu nnifsu u jaħseb għal tal-qalba u l-klikek biss.

Din hi problema intrinsika f’dan il-gvern, sostna Bernard Grech, li kompla li l-gvern wera din il-problema fis-serqa ta’ €400 miljun mill-isptarijiet. Il-gvern qasam il-flus mal-korrotti li serqu lill-poplu Malti, sostna Bernard Grech, li kompla li l-gvern wera l-istess atteġġjament fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Dakinhar il-gvern ma kellux il-kuxjenza li jagħżel lil Jean Paul Sofia u lill-ommu u vvutaw kontra inkjesta pubblika.

Issa hawn każ ieħor; dak ta’ Clayotn Bartolo li jaħseb li l-flus tal-poplu qegħdin hemm biex il-ħabiba tkun kuntenta u hi żżomm lilu kuntent. Il-Ministru Bartolo jiġi jaqa’ u jqum mill-poplu Malti u jinteressah biss minnu nnifsu waqt li l-Prim Ministru jiddefendih għax m’għandux l-awtorità morali li jieħu passi dwaru.

X’jaf Clayton Bartolo fuq il-Prim Ministru jew ma jridx imissu għax ma jistax imiss lill-Ministru Clint Camilleri? Dawn in-nies ma jistgħux iħossu l-għoli tal-ħajja għax b’daqqa ta’ pinna jieħdu €70,000.
Fil-pajjiż hawn liġijiet għall-gvern li jaħseb li ma jista’ għalih ħadd, u liġijiet għall-poplu, sostna Bernard Grech, li kompla li s-Segretarji Permanenti għandhom jagħmlu xogħolhom u ma jħallux lill-ministri jisirqu lill-poplu Malti.

Il-Ministru Bartolo ddeċieda li jżid il-paga tal-ħabiba tiegħu għax ħaseb li mhux se jinqabad jew għax kien jaf li mhux se jinqabad. Dawk id-deputati Laburisti li ma jaqblux ma’ Clint Camilleri, Robert Abela u Clayton Bartolo għandu jkollhom il-kuraġġ li jitkellmu u jagħżlu lill-poplu minflok lilhom innfushom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern ma jintressah xejn u ħadd ħlief hu nnifsu u qal li l-poplu se juri lill-gvern li dak li l-Prim Ministru mhux kapaċi jagħmel; il-poplu se jipprotesta u jgħid li mhux se jħalli lill-gvern jisirqu iktar.