“Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħaddem politika li verament tħoss il-polz tal-poplu, għaliex il-poplu jixraqlu kwalità ta’ ħajja tajba.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li saret ma’ delegazzjoni mill-Forum tal-Commonwealth tan-National Liberal Club tar-Renju Unit.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq l-istorja tal-Partit Nazzjonalista u fakkar kif fl-aħħar sittin sena ġab bidliet kbar fl-istorja ta’ pajjiżna ewlenin fosthom, l-Indipendenza.
Apparti minn hekk, huwa tkellem ukoll fuq il-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna; fosthom l-inflazzjoni, l-isplużjoni fil-popolazzjoni kif ukoll traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.
Hawnhekk, huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem lejn mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk dawn il-problemi ma jkunux indirizzati, pajjiżna qatt ma jista’ jimxi ‘l quddiem.
Minn naħa tagħhom, in-National Liberals Club faħħru l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u fl-istess waqt tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fil-politika tar-Renju Unit. Dan filwaqt li saħqu fuq l-importanza li l-partit iżomm vuċi soda favur dak li hu sewwa għall-ġid tal-pajjiż kollu.
Intant, għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Whip f’isem il-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar kif ukoll mix-Shadow Ministers Beppe Fenech Adami u Carm Mifsud Bonnici.
//= $special ?>