Lokali Qorti

Il-kontejner li wasal Malta b’146 kilo kokaina valur ta’ €20 miljun kien mimli buttuni

Kontejner mimli buttuni li kien sorġut fil-Port Ħieles kellu stivat ammont kbir ta’ droga kokaina valur ta’ €20 miljun. Dan instab imbexxaq mill-Pulizija, fejn hemm instabet xkora droga u dan wara li tliet xkejjer oħra kienu diġà tgħabbew fi trakk li kien lest li joħroġ mill-Freeport.

Tnejn minn dawn l-ixkejjer kienu wara s-sewwieq u ieħor wara s-seat tal-passiġġier. Dan kollu seħħ fis-1.30pm tat-12 ta’ Novembru li għadda, bil-Pulizija tkun ilha x-xhur li taf li kienet se tiġi importata kwantità ta’ droga, fejn hawn inqabdu 146 kilo kokaina.

L-irġiel, meta ġew mistoqsija minn liema kontejner ġew l-ixkejjer, ma weġbux u għalhekk il-Pulizija bdew tfittxija biex jaraw fejn kien il-kontejner. Eventwalment, f’wieħed mill-islots tal-kontejners il-Pulizija ndunat b’kontejner imbexxaq b’siġill miksur. Dan ġibdilhom l-attenzjoni għax, mal-ġenb tal-kontejner kien hemm xkora bajda b’dawk li kienu jidhru qishom buttuni ġewwa.

Ġewwa l-kontejner kien hemm xkejjer bojod oħra bil-buttuni mhux imtaqqbin u kien hemm xkora oħra safra bi blokki bħal dawk li nstabu fit-trakk.

Dan irriżulta fix-xhieda tal-Ispetturi Mark Mercieca u John Leigh Howard hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo fil-konfront ta’ żewġt irġiel mixlija b’rabta ma’ din il-qabda. Roderick Camilleri ta’ 44 sena minn Birżebbuġa, u Darren Dimech ta’ 46 mill-Fgura, qed jiġu akkużati bi traffikar ta’ droga, importazzjoni ta’ kokaina u konfoffa.

Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Camilleri u Dimech huma tnejn minn erba’ rġiel li kienu ġew arrestati wara li -Pulizija qalet li skopriet madwar 105 kilogramma tad-droga moħbija wara s-seat tas-sewwieq u s-seat tal-passiġġier, jiġifieri fil-kabina.

Waqt it-tfittxija fil-kontejner, instabu 41 kilogramma oħra ta’ kokaina, li b’kollox waslu għal 146 kilogramma. Hu mifhum li l-kokaina oriġinat mill-port ta’ Guayaquil, fl-Ekwador, u kienet maħsuba li tinbiegħ fis-suq lokali, qalet il-Pulizija.

Fost il-vetturi spezzjonati dakinhar, qal ix-xhud, twaqqaf trakk aħdar u fil-kabina, wara s-seat tax-xufier u l-passiġġier instabu xkejjer imdaqqsin bi blokok b’sustanza suspettata kokaina fihom. It-trakk kien misjuq minn Camilleri waqt li Dimech kien riekeb miegħu fit-trakk.

L-Ispetturi qalu li ftit tal-ħin wara nstab ukoll il-kontejner bis-siġill maqtugħ, li minnu ħarġet l-istess droga. Fil-kontejner instabu aktar xkejjer tad-drapp tal-istess għamla, li mad-daqqa t’għajn kienu jindikaw li fihom buttuni. Instabet ukoll blokka miksija, bl-arma tal-McDonalds li qajmet aktar suspetti.

Irriżulta li fit-trakk kien hemm 105 blokka fi 3 xkejjer u 41 blokka fi xkora oħra fil-kontejner. Għalhekk il-Pulizija arrestaw liż-żewġt irġiel iżda qabel ma ttieħdu d-Depot, kienu eskortati l-Isptar Mater Dei minħabba li t-tnejn ilmentaw b’uġigh f’sidirhom.

Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Dimech qal li dakinhar Camilleri offrielu s-somma ta’ bejn €5,000 u €10,000 sabiex jassistih fi ġbir ta’ merkanzija mill-Port Ħieles. Qal ukoll li minkejja li kien xettiku dwar din it-talba, aċċetta, iżda ra stramba meta Camilleri talbu wkoll jiffilmjah waqt li jkisser is-siġil u jiftaħ il-kontejner.

Mal-Pulizija, Dimech stqarr li ma kienx jaf x’fiha l-merkanzija, iżda kien konxju li hija waħda illegali minħabba l-ammont sostanzjali ta’ flus li ġie offrut minn Camilleri. Camilleri għażel li ma jirrispondi l-ebda domanda li saritlu mill-Pulizija u dan għamlu biex ma jinkriminax lilu nnifsu. Fil-mobile tiegħu, il-Pulizija sabet l-imsemmi filmat tal-kollega tiegħu.

Fuq mistoqsijiet tad-difiża, il-Prosekuzzjoni qalet li ż-żewġ akkużati mill-ewwel taw il-mobile lill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Camilleri dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia waqt li għal Dimech deher l-Avukati George Anton Buttigieg u Franco Debono.

Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn 25 ta’ Novembru fid-9am.